Dokument ta' Pożizzjoni tal-Grupp tal-PPE dwar il-Kummerċ Internazzjonali

Dan il-kontenut hu disponibbli wkoll bil-

L-UE tinsab fuq quddiem nett tal-kummerċ dinji ħieles u ġust. Dan huwa muri mid-diversi sħubiji kummerċjali madwar id-dinja u l-impenn qawwi tagħna f'sistema multilaterali inkorporata fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Fid-dawl tal-isfidi attwali, l-UE għandha taħtaf l-opportunità biex tilħaq b'mod attiv lil sħab madwar id-dinja kollha biex isegwu aġenda kummerċjali ambizzjuża f'kuntest globali. Il-politika kummerċjali hija pilastru importanti li jikkumplimenta l-politika estera kif ukoll is-sigurtà interna u esterna, irawwem l-iżvilupp globali u jqiegħed il-valuri Ewropej tagħna fuq livell globali, li jsaħħaħ is-sħubiji strateġiċi tal-Unjoni u jgħin biex jinbnew alleanzi ġodda.

Aħna nixtiequ nfasslu l-globalizzazzjoni u ninvolvu liċ-ċittadini

Il-globalizzazzjoni u s-swieq miftuħa tejbu b'mod sinifikanti l-istandards tal-għajxien tal-UE u naqqsu l-faqar fl-UE u madwar id-dinja. Aħna nżommu kontinwament l-impenn li nfasslu l-politika kummerċjali tal-UE bl-għan li l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni jinqasmu b'mod aktar ugwali. Il-kumpaniji Ewropej li jimportaw u li jesportaw fi ħdan il-katini ta' valur mondjali tal-lum joħolqu kompetittività, impjiegi u tkabbir, kif ukoll għażla akbar u prezzijiet irħas għall-konsumaturi, filwaqt li jaqdu l-bżonnijiet taċ-ċittadini tagħna. Filwaqt li għandna l-impenn għal kummerċ ħieles, li jkun ibbażat fuq ir-regoli u bbażat fuq il-valur, aħna nixtiequ nżommu kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, nissalvagwardjaw u nrawmu l-istandards għoljin tagħna tal-UE bħala entità li tistabbilixxi l-istandards fil-ħolqien tal-kummerċ internazzjonali kif ukoll nippromwovu l-prinċipji fundamentali tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fi spirtu ta' reċiproċità u benefiċċju reċiproku. It-trawwim tal-kompetittività u tal-esportazzjonijiet tagħna madwar id-dinja huma kruċjali biex jiġu żgurati impjiegi ġodda. Filwaqt li jammontaw għal 30 % tal-esportazzjonijiet tal-Unjoni, fil-ftehim kummerċjali tal-UE jridu jiġu inklużi f’dispożizzjonijiet effettivi għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) bħala xprunaturi għall-impjiegi, it-tkabbir u l-innovazzjoni. Fl-istess waqt, aħna dejjem se niżguraw il-protezzjoni tal-utilitajiet u tas-servizzi pubbliċi tagħna kif ukoll l-esklużjoni tas-servizzi awdjoviżivi. Biex ninvolvu liċ-ċittadini, aħna nitolbu lill-partijiet ikkonċernati kollha jiżviluppaw strateġija ta' komunikazzjoni aħjar dwar il-politika kummerċjali tal-Unjoni. Aħna nixtiequ t-trasparenza u l-ftuħ fl-istadji kollha tan-negozjati, iżda aħna niddefendu l-kunfidenzjalità fejn ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-aqwa riżultati ta' negozjar.

Il-politika kummerċjali hija kompetenza importanti tal-Unjoni. F'dan ir-rigward, l-Opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles (FTA) ta' Singapore saħħet ir-rwol demokratikament leġittimu tal-Parlament Ewropew u pprovdiet ċarezza dwar il-kompetenzi tal-UE inġenerali. Il-Grupp tagħna jilqa' l-proposta tal-Kunsill dwar l-arkitettura ġenerali tal-futur tal-ftehim kummerċjali. Aħna nistiednu lill-Kummissjoni, meta tippreżenta l-ftehim iffinalizzati għall-iffirmar u l-konklużjoni, u lill-Kunsill, meta jiddeċiedi dwar l-iffirmar u l-konklużjoni, tal-ftehim futuri, biex jirrispettaw bis-sħiħ it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha.

Aħna nixtiequ politika kummerċjali bbażata fuq il-valur u l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli

Aħna nixtiequ politika kummerċjali responsabbli, ibbażata fuq il-valuri u r-regoli. Madankollu, din m'għandhiex titgħabba żżejjed bi kwistjonijiet li ma jkunux direttament relatati mal-kummerċ internazzjonali. Ir-reviżjoni ta' suċċess tar-Regolament tal-UE għall-Prevenzjoni tat-Tortura, ir-Regolament il-ġdid tal-UE dwar il-Minerali ta' Kunflitt u r-riformulazzjoni li għadha għaddejja tar-Regolament tal-UE dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju se jikkontribwixxu biex isaħħu d-drittijiet tal-bniedem u t-titjib fil-prattika filwaqt li tiġi evitata l-burokrazija għall-kumpaniji Ewropej.

Aħna nixtiequ nippromwovu l-iżvilupp sostenibbli billi ninnegozjaw Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (FSE) li jgħaqqdu flimkien l-interessi Ewropej kif ukoll dawk Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), inrawmu l-iżvilupp billi nippromwovu integrazzjoni reġjonali, noħolqu opportunitajiet għall-kummerċ u għall-investiment, intejbu l-governanza ekonomika u nnaqqsu l-faqar. Aħna ninsabu konvinti li Kollox ħlief l-Armi (EBA), is-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (GSP) u l-GSP+ huma għodod tajbin biex jiġu appoġġjati l-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku. Il-Grupp tal-PPE jilqa' l-proposti biex tissaħħaħ is-sħubija tal-UE mal-Afrika mill-perspettiva fit-tul ta' FTA komprensiv minn kontinent għal ieħor. Aħna nappoġġjaw il-pjanijiet biex jiżdied il-finanzjament disponibbli għall-proġetti korrispondenti fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss biex jiżdiedu l-iskambji kummerċjali mal-UE u jiġi attivat il-potenzjal sħiħ tagħha kif ukoll jiġu stimulati l-investiment pubbliku u privat, l-impjiegi u l-edukazzjoni.

Il-kapitoli tal-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (TSD) fl-FTAs tal-UE huma għodod xierqa u effettivi biex jiġu promossi standards internazzjonali rilevanti fil-protezzjoni tax-xogħol u tal-ambjent, il-protezzjoni ġenerali tal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba billi s-soċjetà ċivili tiġi involuta mill-qrib abbażi ta' djalogu u kooperazzjoni. Id-dispożizzjonijiet eżistenti tat-TSD huma vinkolanti u għandhom kamp ta' applikazzjoni wiesa'; dawn isaħħu s-sistema multilaterali u huma soġġetti għal mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim speċifiku u rikonoxxut b'mod reċiproku. Aħna nilqgħu d-dokument informali tal-Kummissjoni biex l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-kapitoli tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli tal-UE jsiru aktar effettivi.

Aħna nippreferu approċċ multilaterali filwaqt li nappoġġjaw in-negozjati tal-FTA

Fil-fehma tagħna, is-sistema ta' negozjar multilaterali inkorporata fid-WTO għadha bil-bosta l-aħjar qafas biex jinkiseb kummerċ ħieles u ġust fuq bażi globali f'konformità mal-istat tad-dritt. L-FTAs qegħdin biss fit-tieni post iżda huma l-għażla neċessarja. Aħna nistennew li l-aġenda tad-WTO titressaq 'il quddiem b'mod sħiħ, filwaqt li l-istandards Ewropej għoljin tagħna jinżammu fl-oqsma kollha. L-interessi tal-produtturi tal-UE, inklużi dawk fir-Reġjuni Ultraperiferiċi (OR) tagħna, u l-interessi tal-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej (PTEE) assoċjati mal-UE jridu jitqiesu b'mod suffiċjenti. Aħna nibqgħu impenjati bis-sħiħ lejn sistema għas-soluzzjoni ta' tilwim vinkolanti kif ukoll lejn Korp tal-Appell indipendenti, li huma kruċjali għall-funzjonament tajjeb tal-WTO. Għalhekk, aħna ninsabu mħassba dwar il-kwistjoni tal-appuntamenti pendenti tal-Korp tal-Appell tad-WTO u nistiednu lis-sħab internazzjonali tagħna jiżblokkaw il-proċess ta' nomina ta' mħallfin ġodda fil-Korp tal-Appell. Fl-istess waqt, aħna ninsabu lesti biex inkomplu niddiskutu titjib possibbli fil-WTO mas-sħab internazzjonali tagħna. Għalhekk, aħna nqisu l-ftehim politiku riċenti dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali UE-Stati Uniti bħala bażi tajba biex naħdmu flimkien mill-qrib ma' sħab li jħaddnu l-istess għanijiet għar-riforma tal-WTO u biex jiġu indirizzati l-prattiki kummerċjali inġusti. Aħna nappoġġjaw lill-Kummissjoni fil-proposta ta' approċċ komprensiv għat-tisħiħ tal-funzjonament tal-WTO u l-modernizzazzjoni ta' oqsma kruċjali, inklużi regoli ġodda li jindirizzaw l-isfidi attwali bħas-sussidji industrijali, il-proprjetà intellettwali u t-trasferimenti furzati tat-teknoloġija, kif ukoll aproċċ ġdid għall-iżvilupp.

Aħna nixtiequ nagħtu viżjoni ġdida lir-rabta transatlantika qawwija tagħna

L-Istati Uniti hija s-sieħeb strateġiku ewlieni tal-UE. Aħna naqsmu valuri komuni u ngawdu l-aktar relazzjonijiet ekonomiċi integrati fid-dinja. It-trasformazzjoni li tinsab għaddejja tas-sistema internazzjonali u l-isfidi li naffaċċjaw ikomplu jenfasizzaw l-importanza tar-relazzjoni transatlantika biex jiġu żgurati l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà. Wara l-iffriżar tan-negozjati tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP), jeħtieġ li nagħtu spinta ġdida lis-sħubija tagħna biex flimkien infasslu s-seklu 21 u nesploraw il-possibbiltà li nerġgħu niftħu n-negozjati kummerċjali meta l-kundizzjonijiet ikunu tajbin. Għalhekk, aħna nqisu li l-ftehim politiku tal-President Juncker u l-President Trump tal-25 ta' Lulju 2018, li huwa rifless f'Dikjarazzjoni Konġunta u li għandu jiġi segwit fil-kuntest tal-Grupp ta' Ħidma Eżekuttiv, jista' jwitti t-triq biex jitnieda proċess ġdid kif naħdmu flimkien u niftħu n-negozjati lejn sitwazzjoni mingħajr tariffi fuq il-prodotti industrijali u dwar il-valutazzjonijiet tal-konformità b'vantaġġi reċiproki evidenti. Aħna naqsmu t-tħassib dwar il-kapaċitajiet żejda fis-setturi ewlenin fuq livell globali sabiex tiġi żgurata sistema ta' negozjar internazzjonali li tiffunzjona tajjeb, l-innovazzjoni u t-tkabbir sostenibbli. Għalhekk, huwa kruċjali li l-UE u l-Istati Uniti jkomplu jaħdmu flimkien u jsaħħu l-kooperazzjoni f'diversi fora, inkluż il-Forum Globali, sabiex isibu bażi komuni fuq il-kwistjonijiet relatati mal-kummerċ ta' tħassib reċiproku u jevitaw li jaffettwaw ħażin ir-relazzjoni transatlantika fil-futur. Aħna nqisu li l-impożizzjoni universali ta' dazji tal-importazzjoni fuq l-azzar u l-aluminju mill-Amministrazzjoni attwali tal-Istati Uniti mhijiex rimedju xieraq għall-problemi ta' kapaċità żejda. Aħna nappoġġjaw bil-qawwi lill-Kummissjoni biex jiġi żgurat li l-interessi tal-UE jiġu protetti bis-sħiħ, anki fir-rigward tal-azzjonijiet l-oħrajn kollha ta' natura protezzjonista, inklużi dawk li jqajmu tħassib dwar il-Politika Agrikola Komuni u l-investigazzjoni li tinsab għaddejja dwar il-possibbiltà ta' tariffi fuq is-settur awtomobilistiku. Fid-dawl ta' ftehim politiku, aħna nħeġġu liż-żewġ partijiet jaħdmu fuq soluzzjoni biex isolvu l-kwistjoni tat-tariffi u jżommu lura milli jimponu oħrajn ġodda.

Aħna nappoġġjaw relazzjonijiet kummerċjali aktar fil-fond mas-sħab tagħna fil-Viċinat tal-Lvant

Aħna ninsabu konxji dwar l-importanza li jinħoloq Viċinat tal-Ewropa tal-Lvant stabbli, demokratiku u għani u li jiġu appoġġjati Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (DCFTAs) li joffru qafas biex jiġu mmodernizzati r-relazzjonjiet kummerċjali u l-iżvilupp ekonomiku lis-sħab tagħna fis-Sħubija tal-Lvant (SL) li jkunu jinsabu lesti għal dan. Aħna nilqgħu mudell ta' "SL+" attraenti fuq medda ta' żmien itwal għall-pajjiżi assoċjati li jkunu għamlu progress sostanzjali biex jimplimentaw riformi relatati mal-AAs/DCFTAs bħala għodda essenzjali biex jiġu żviluppati skambji kummerċjali mal-UE. Aħna nitolbu li jkun hemm implimentazzjoni rapida u sħiħa tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-Georgia, tal-Moldova u tal-UE-Ukrajna, b'mod partikolari l-pilastri kummerċjali. F'dan il-kuntest, aħna nistennew bil-ħerqa li jkun hemm soluzzjoni bikrija għall-kwistjonijiet miftuħa fir-rigward tal-kapitolu tad-DCFTA UE-Ukrajna bejn l-UE u l-Ukrajna u nħeġġu li jkun hemm l-implimentazzjoni rapida ta' din.

Aħna nixtiequ napprofondixxu n-negozjati kummerċjali tal-UE mal-Mediterran

Il-kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Mediterran jipprovdi prospetti tajbin. Aħna napoġġjaw il-ftuħ ta' negozjati għal DCFA ma' ċerti pajjiżi tal-Mediterran fir-reġjun u diskussjonijiet kontinwi dwar it-tneħħija ta' ostakli nontariffarji u tekniċi, b'attenzjoni speċjali fir-rigward tal-istandards u l-prodotti sensittivi tagħna (bħal prodotti agrikoli).

Aħna nilqgħu r-ratifika tal-Ftehim Kummerċjali UE-Kanada (CETA)

Aħna nqisu r-ratifika tas-CETA u d-dħul fis-seħħ proviżorju tiegħu bħala l-aktar eżempju riċenti ta' ftehim kummerċjali li minnu jirbaħ kulħadd u bħala pjan ta' azzjoni għall-ftehim futuri. Fi żminijiet fejn il-protezzjoniżmu qiegħed dejjem jikber, ir-ratifika tas-CETA tibgħat sinjal ċar lid-dinja li aħna impenjati lejn kummerċ miftuħ ibbażat fuq ir-regoli u qed infasslu l-globalizzazzjoni billi nistabbilixxu r-regoli u l-istandards tagħna. Il-ftehim isaħħaħ ir-rabtiet transatlantiċi tal-UE mal-Kanada, li ilha għal żmien twil alleat tagħna.

Aħna nappoġġjaw politiki kummerċjali aktar attivi u aġġornati mal-Amerika Latina u mal-Karibew

Ir-relazzjonijiet kummerċjali mas-sħab fl-Amerika Latina u fil-Karibew fl-aħħar saru prijorità għall-Unjoni Ewropea u huma riflessi f'netwerk ta' ftehim reġjonali. Aħna nilqgħu d-dħul fis-seħħ tal-pilastru kummerċjali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Amerika Ċentrali kif ukoll l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Kummerċjali mal-Kolombja u mal-Perù, li ġie estiż ukoll għall-Ekwador bħala sieħeb terz minn Jannar 2017. Aħna nqisu d-dħul fis-seħħ tal-FSE ma' 14-il pajjiż tal-Karibew bħala pass importanti fil-ħidma lejn il-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-integrazzjoni reġjonali. Aħna nitolbu li jkun hemm konklużjoni rapida tan-negozjati li jinsabu għaddejjin għall-modernizzazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni maċ-Ċili u nilqgħu l-konklużjoni tan-negozjati għal aġġornament komprensiv tal-Ftehim tal-UE mal-Messiku. Aħna nqisu li ftehim komprensiv u bbilanċjat mal-pajjiżi tal-MERCOSUR li jagħti attenzjoni speċjali u jinkludi trattament tariffarju/tal-kwota għall-aktar prodotti sensittivi tal-UE (eż. xi prodotti agrikoli) kif ukoll kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għas-setturi kkonċernati jista' jkun stimolu ferm utli għat-tkabbir ekonomiku għaż-żewġ reġjuni. Il-konklużjoni b'suċċess ta' ftehim ibbilanċjat se jgħin ukoll fit-tneħħija tal-ostakli kummerċjali eċċessivi eżistenti, b'mod partikolari tariffi għoljin, kumplessitajiet fl-importazzjonijiet u sussidji fir-reġjun. Aħna ninsabu konvinti li b'mod ġenerali hemm opportunitajiet kbar biex tinħoloq żona ta' sħubija interreġjonali Ewro-Latina Amerikana għalkollox ibbażata fuq mudell ta' reġjonaliżmu kompatibbli mad-WTO u fi spirtu ta' fiduċja u benefiċċji reċiproki.

Aħna nixtiequ kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni maċ-Ċina

Iċ-Ċina hija waħda mill-akbar ekonomiji fid-dinja. L-iżvilupp intern enormi tagħha joffri opportunitajiet importanti għall-esportazzjonijiet u għall-investituri tagħna. L-UE hija l-akbar sieħeb kummerċjali taċ-Ċina, filwaqt li għalina, iċ-Ċina tinsab fit-tieni post wara l-Istati Uniti. Il-volum tal-kummerċ fi prodotti maċ-Ċina żdied ħafna fis-snin riċenti, fejn l-esportazzjonijiet tal-UE qed jiżdiedu b'mod rapidu; madankollu, l-UE kontinwament tirreġistra defiċit kummerċjali sinifikanti. Dan parzjalment jirriżulta mill-miżuri nontariffarji mhux iġġustifikati persistenti, l-ostakli tekniċi u n-nuqqas ta' reċiproċità. Sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sħubija ekonomika tagħna, dawn iridu jitneħħew progressivament. Sakemm jippersistu prattiki kummerċjali inġusti, aħna nitolbu li jkun hemm l-applikazzjoni kontinwa u stretta tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ tal-UE u l-metodoloġija l-ġdida tal-anti-dumping. Madankollu, l-UE hija impenjata biex tiftaħ relazzjonijiet kummerċjali maċ-Ċina dwar kundizzjonijiet ġusti, b'rispett sħiħ tal-obbligi tagħha tal-WTO.

Sadanittant, aħna nappoġġjaw u niskrutinizzaw in-negozjati li jinsabu għaddejjin għal Ftehim ta' Investiment komprensiv UE-Ċina, bl-għan li jinħoloq qafas legali aktar sigur għall-aċċess fit-tul għas-suq. F'dan il-kuntest, il-prijoritajiet tagħna għadhom il-promozzjoni tar-reċiproċità, l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, l-indirizzar tal-kapaċità żejda u t-trattament mhux diskriminatorju tan-negozji u tal-investituri. Il-progress ta' dawn it-taħdidiet u l-eliminazzjoni progressiva tal-ostakli nontariffarji u b'tariffi mhux kompatibbli mal-WTO u mhux iġġustifikati l-oħrajn se jibgħatu sinjal ċar fir-rigward tar-rwol li se jkollha ċ-Ċina fl-ekonomija globali. Aħna nħeġġu li jkun hemm aktar trasparenza u governanza fil-"Belt and Road Initiative" (l-Inizjattiva tar-Rotot fuq l-Art u l-Ilma għat-Trasport - BRI) li ġiet adottata miċ-Ċina u nilqgħu l-istabbiliment tal-Pjattaforma ta' Konnettività UE-Ċina. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UE jkollha leħen wieħed fir-relazzjoni tagħha maċ-Ċina u li l-proġetti bilaterali possibbli jkunu konformi ma' approċċ Ewropew komuni.

Aħna nappoġġjaw it-tnedija ta' negozjati għal ftehim ta' investiment bilaterali mat-Tajwan u nistiednu lill-Kummissjoni tlesti l-ħidma preparatorja sabiex in-negozjati jinfetħu b'mod formali mill-aktar fis possibbli.

Aħna nappoġġjaw strateġija ġdida għall-Asja Ċentrali

Aħna nilqgħu l-progress li kisbu l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali taħt ftehim ta' sħubija mal-UE għaliex dawn saru sħab sinifikanti. Aħna nenfasizzaw l-importanza li jkun hemm proposta għal Strateġija ġdida sa tmiem l-2019, f'konformità mal-Istrateġija Globali tal-UE.

Aħna nilqgħu r-ratifika tal-FSE UE-Ġappun

Ir-ratifika tal-FSE bejn l-UE u l-Ġappun hija stadju importanti u għandha importanza ġeopolitika kbira biex jidħol fis-seħħ l-akbar ftehim kummerċjali bilaterali li qatt ġie nnegozjat mill-UE. Dan se joħloq żona ekonomika ta' 600 miljun persuna li jkollha l-valur ta' aktar minn 30 fil-mija tal-PDG globali. L-FSE se jiftaħ opportunitajiet tas-suq kbar għaż-żewġ naħat, isaħħaħ il-kooperazzjoni f'firxa ta' oqsma, jafferma mill-ġdid l-impenn komuni tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli, u għall-ewwel darba se jinkludi impenn speċifiku għall-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima. Aħna nappoġġjaw in-negozjati kontinwi tal-Kummissjoni dwar l-istandards tal-protezzjoni tal-investiment u r-riżoluzzjoni dwar il-protezzjoni tal-investiment. Il-Grupp tal-PPE jqis li l-FSE komprensiv u ambizzjuż mal-Ġappun jirrappreżenta l-aħjar opportunità biex il-kumpaniji u ċ-ċittadini Ewropej jisfruttaw il-benefiċċji kollha tar-relazzjonijiet tagħna mal-Ġappun.

Aħna nixtiequ strateġija proattiva għaż-żona tal-Paċifiku (eż. il-pajjiżi tal-ASEAN)

Il-Grupp tal-PPE jappoġġja strateġija proattiva biex jiġu nnegozjati u applikati b'mod sħiħ ftehim bilaterali ma' pajjiżi tal-ASEAN kif ukoll mal-Awstralja u New Zealand sabiex jiġi promoss aċċess aħjar għall-kumpaniji Ewropej u jitneħħew l-ostakli nontariffarji. Il-Grupp tal-PPE jqis li l-ftehim ta' kummerċ ħieles u ta' investiment ta' Singapore u tal-Vjetnam għandhom il-potenzjal sħiħ biex jagħtu spinta lill-iskambji kummerċjali tagħna ma' dawn il-pajjiżi tal-ASEAN li jħalli effetti pożittivi fuq it-tkabbir u fuq l-impjieg u f'termini ta' ambjent ta' investiment sigur maż-żewġ pajjiżi. Aħna nilqgħu l-ftuħ riċenti tan-negozjati mal-Awstralja u New Zealand sabiex jiġi finalizzat b'mod rapidu ftehim kummerċjali komprensiv u bbilanċjat. Aħna nappoġġjaw in-negozjati attwali mal-Indoneżja, it-Tajlandja, il-Malasja u l-Filippini u li joħolqu FTA bejn reġjun u ieħor fil-ħames snin li ġejjin.

Aħna nixtiequ nfasslu r-relazzjonijiet kummerċjali UE-Renju Unit tal-futur

Ir-Renju Unit se jibqa' sieħeb importanti għall-UE meta jitqiesu l-valuri u l-istorja komuni tagħna, inkluża s-sħubija tar-Renju Unit fl-UE għal aktar minn 40 sena. Għalhekk, qafas komprensiv għar-relazzjoni tal-futur huwa fl-interess tal-partijiet kollha sabiex jiġi żgurat li ż-żewġ swieq jibqgħu integrati kemm jista' jkun mill-qrib. Aħna nqisu li s-sħubija tar-Renju Unit fis-Suq Intern u fl-Unjoni Doganali tkun l-aħjar soluzzjoni kemm għar-Renju Unit kif ukoll għall-bqija tal-Istati Membri tal-UE u l-unika soluzzjoni li tkun tista' tiżgura flussi kummerċjali reċiproki kontinwi bla xkiel u tippreserva b'mod sħiħ il-benefiċċji tar-relazzjonijiet ekonomiċi tagħna. L-UE għandha tkompli trawwem u tiżviluppa r-relazzjoni tagħha mar-Renju Unit. Dan se jservi biex jiġi żgurat li fil-futur, il-flussi kummerċjali reċiproċi jġarrbu l-anqas tfixkil possibbli. Il-Parlament Ewropew jeħtieġlu jkun involut bis-sħiħ fil-proċess tan-negozjar ta' relazzjoni kummerċjali futura bejn l-UE u r-Renju Unit u kwalunkwe ftehim kummerċjali huwa soġġett għall-kunsens finali tiegħu.

Aħna nitolbu li jkun hemm protezzjoni qawwija tal-investiment

Aħna nappoġġjaw l-approċċ il-ġdid tal-UE dwar il-protezzjoni tal-investiment li jtejjeb l-approċċi individwali li jiġu segwiti mill-Istati Membri tal-UE f'aktar minn 1,400 Trattat Bilaterali fuq l-Investiment (BITs) eżistenti. Filwaqt li l-kompetenza mxiet mill-Istati Membri għall-UE fit-Trattat ta' Lisbona, dawn il-BITs għadhom strument ta' suċċess biex jiġu protetti l-investituri tal-UE u l-investimenti tagħhom kontra prattiki inġusti barranin, sakemm dawn ikunu sostitwiti bi ftehim li jiġu konklużi fil-livell tal-UE. Huwa essenzjali li l-approċċ tal-UE jgħaqqad flimkien il-protezzjoni qawwija u effettiva għall-investituri u l-investimenti tagħhom mal-preservazzjoni tal-ispazju tal-politika meħtieġa f'oqsma oħra, eż. għall-istandards leġiżlattivi attwali u futuri li jikkonċernaw kwistjonijiet ta' protezzjoni tal-konsumatur, il-politika ambjentali u soċjali kif ukoll l-eżerċizzju tal-prerogattivi parlamentari. L-istrument tal-protezzjoni effettiva tal-investiment, li jista' jifforma parti mill-FTAs tal-UE jew minn ftehim ta' investiment awtonomi, għandu jikkonforma mad-dritt tal-istati li jirregolaw u jħares dan id-dritt; l-għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni għandha tkun impossibbli. L-għan fit-tul tagħna huwa li jkun hemm qorti internazzjonali indipendenti. Għalhekk, aħna nilqgħu l-mandat tal-Kunsill għall-istabbiliment ta' qorti multilaterali għas-soluzzjoni ta' tilwim dwar l-investiment (MIC) u nħeġġu lill-Kummissjoni tkompli l-isforzi tagħha biex tilħaq lill-pajjiżi terzi u tistabbilixxi tali qorti mill-aktar fis possibbli.

Aħna nappoġġjaw bil-qawwi l-istabbiliment ta' qafas għall-iskrinjar ta' investimenti diretti barranin fl-Unjoni Ewropea. Il-pajjiżi kollha tal-G7 u l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi sħab diġà għandhom mekkaniżmu ta' skrinjar tal-investiment għall-investimenti strateġiċi barranin fil-qasam tas-sigurtà u l-ordni pubbliku fis-seħħ. Għalhekk, aħna nilqgħu l-introduzzjoni ta' strument simili fil-livell tal-UE sabiex l-investimenti barranin f'dawk is-setturi strateġiċi jikkooperaw bejniethom, jiġu skrinjati u potenzjalment jiġu ristretti.

Aħna nixtiequ strumenti għad-difiża tal-kummerċ effettivi u swieq miftuħa

Il-liberalizzazzjoni ulterjuri tal-kummerċ xorta tirrikjedi l-kapaċità li jiġu evitati u li tittieħed reazzjoni rapida kontra prattiki kummerċjali inġusti fis-swieq tagħna fl-interess tan-negozji u ċ-ċittadini Ewropej. Għaldaqstant, aħna nappoġġjaw l-użu tal-mekkaniżmi differenti, bħall-klawżoli tal-anti-dumping, tal-antisussidji u d-dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja meta jiġu ssodisfati r-rekwiżiti legali rilevanti. Għalhekk, aħna nqisu t-tisħiħ riċenti tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ, li saru ukoll aktar rapidi u aktar aċċessibbli għall-SMEs, bħala importanti ħafna fl-istrateġija kummerċjali tal-UE. Barra minn hekk, l-aċċess aktar trasparenti, mhux diskriminatorju u reċiproku pożittiv fis-swieq tal-akkwist barranin, speċjalment għall-SMEs, huwa element essenzjali fil-politika kummerċjali tal-UE.

Dak li nemmnu

No result

Kontenut relatat

No result