Il-Futur tad-Demokrazija Kristjana - Boxxla għall-ġenerazzjonijiet futuri

09.03.2021

Il-Futur tad-Demokrazija Kristjana - Boxxla għall-ġenerazzjonijiet futuri

Pubblikazzjoni picture

Aħna qed ngħixu fi żminijiet ta' kriżijiet globali. Kriżi ekonomika fit-tul qed twassal biex ħafna jqajmu dubji dwar il-globalizzazzjoni. Il-kriżi ekoloġika qed thedded dak li jagħmel lid-dinja tagħna abitabbli. L-inabbiltà li tittieħed azzjoni effettiva quddiem dawn l-isfidi qed twassal għal kriżi politika qawwija: f'kuntest ta' xettiċiżmu lejn ir-rappreżentanti tagħhom, is-soċjetajiet Ewropej jidhru li qed jinqasmu f'komunitajiet diviżi, li jagħmel il-possibbiltà ta' djalogu demokratiku aktar diffiċli. Il-mewġa reċenti ta' attakki terroristiċi fil-pajjiżi tagħna tikkonferma li t-theddida waslet.

F'dan il-mument fl-istorja, l-Ewropa tinsab f'salib it-toroq. Matul dawn l-aħħar deċennji, in-nies inħarġu mill-faqar; l-okkorrenzi ta' gwerra, ġuħ u mard naqsu. Il-kontinent tagħna bena perkorsi ġodda biex jikseb il-forma attwali tiegħu, li għalkemm mhix perfetta hija mudell rispettat ħafna madwar id-dinja. Illum dawn il-progressi qed jiġu sfidati; hija r-responsabbiltà tagħna u d-dmir tagħna li nissalvagwardjaw il-kisbiet tal-passat. L-Unjoni Ewropea tibqa' t-tieni l-akbar setgħa ekonomika fid-dinja, iżda qed inħabbtu wiċċna ma' kompetizzjoni qawwija minn setgħat globali oħra, kemm f'termini ta' influwenza ekonomika kif ukoll ta' sfidi għas-sistema politika tagħna u, f'xi każijiet, għall-valuri u l-prinċipji tagħna stess. Iċ-Ċina, pereżempju, bil-proġett Triq tal-Ħarir, qed tesprimi ambizzjoni ekonomika u ġeopolitika ġdida. Sabiex inkomplu nżidu mal-emerġenzi, il-pandemija li kkaratterizzat is-sena 2020, żvelat id-dipendenza industrijali u teknoloġika tal-Ewropa f'ħafna oqsma strateġiċi. L-interdipendenzi ma għadhomx jitqiesu biss bħala sors ta' sigurtà, iżda wkoll bħala sors ta' nuqqas ta' sigurtà. Ċertament, l-Ewropa għadha l-kontinent bl-ogħla indikaturi tal-iżvilupp fid-dinja, iżda qed issibha diffiċli ssib postha quddiem is-setgħat ewlenin, li l-influwenza dejjem akbar tagħhom tmur kontra l-multilateraliżmu; u d-demokraziji tagħna, il-werrieta ta' ħamsa u għoxrin seklu ta' storja, qed iħabbtu wiċċhom ma' sfida fil-kapaċità tagħhom li jikkontrollaw id-destin tagħhom.

Dawn il-mistoqsijiet iħeġġu d-Demokrazija Kristjana, il-forza politika li kienet il-mutur ewlieni tal-integrazzjoni Ewropea f'dawn l-aħħar deċennji, biex issaħħaħ u terġa' tibda tixpruna bidla sinifikanti. Sabiex inqajmu tama ġdida, aħna se nżommu mal-wirt Demokristjan tagħna, speċjalment mat-tagħlim soċjali Kattoliku u Protestant li ilu magħna elfejn sena sħaħ, abbażi tal-ġestjoni, tal-personaliżmu, tas-sussidjarjetà, tar-responsabbiltà u tas-solidarjetà. Aħna naraw lilna nfusna bħala l-werrieta grati għal dawk li ġew qabilna u, imsaħħa minn dan il-wirt, aħna nħarsu lejn il-futur mingħajr ma neħlu fil-passat.

Aħna, bħala l-Grupp PPE, nemmnu li l-valuri tagħna għadhom l-aktar punt ta' tluq b'saħħtu għat-tfassil tal-futur, minħabba li jikkombinaw l-aħjar modi ta' ħsieb konservattiv, liberu u Kristjan-soċjali u jgħaqqduhom kollha flimkien f'perspettiva kondiviża tad-dinja. Permezz ta' dawn il-valuri, iċ-ċentru lemin jikseb tifsira li tmur lil hinn mill-politika ta' kuljum. Ir-reliġjon tispira l-azzjoni tagħna, iżda ma tillimitaniex: Id-Demokrazija Kristjana mhijiex kwistjoni ta' reliġjon, iżda dwar approċċ politiku preċiż ibbażat fuq il-valuri fundamentali tad-dinjità ta' kull persuna - u t-tolleranza - u tiddefinixxi l-vokazzjoni politika bħala servizz għall-umanità. Dan ifisser li d-Demokrazija Kristjana tilqa' fi ħdanha lill-Kristjani kollha, lil dawk li jemmnu fi kwalunkwe reliġjon oħra kif ukoll lil dawk li ma jemmnux. Id-Demokrazija Kristjana hija aktar minn tikketta; hija l-boxxla tagħna biex ninnavigaw id-dinja. Għalhekk jeħtieġ li nerġgħu nitgħallmu insemmgħu leħinna biex niddefendu l-identità ewlenija tal-Grupp tal-PPE.

U allura hemm bżonn li nittraduċu l-valuri tagħna fil-preżent. Għalhekk, huwa meħtieġ  li jkollna għanijiet u kompiti ġodda għad-Demokrazija Kristjana, mhux biss għall-futur taċ-ċentru lemin, iżda wkoll għall-futur tal-Ewropa: f'dan il-perjodu ta' kriżijiet globali, l-ewwel responsabbiltà politika hija li nippreservaw u nittrasferixxu l-wirt l-aktar prezzjuż tagħna lill-ġenerazzjonijiet futuri. Irridu ngħaddu n-natura, li l-instabbiltà ekoloġika tagħha, llum qed thedded ekwilibriji vitali. Irridu ngħaddu l-wirt kulturali rikk tagħna, li sar aktar fraġli bid-diviżjonijiet ġodda fis-soċjetajiet Ewropej. Fl-aħħar nett, irridu ngħaddu s-sempliċi possibbiltà ta' azzjoni komuni permezz tal-politika u l-istituzzjonijiet demokratiċi. L-Ewropa għaddiet minn stadji ta' fondazzjoni u ta' konservazzjoni. Fil-punt kritiku tal-lum, il-missjoni tal-familja politika tagħna hija li nsalvaw dak li hu meħtieġ jiġi salvat, sabiex infasslu perkors ambizzjuż lejn futur sabiħ.

1. Is-salvagwardja tan-natura

Huwa d-dmir tagħna li jkollna viżjoni ċara tal-ekoloġija: il-bniedem mhuwiex sid in-natura, iżda jiritha, u għalhekk jeħtieġlu jgħaddi l-mirakli tagħha lill-ġenerazzjonijiet futuri u jirsisti biex iħalli dinja fejn il-ħajja tibqa' possibbli. Il-bniedem huwa parti min-natura, jiddependi minnha u għandu jġib ruħu kif hu xieraq. Peress li nsejna dan, aħna wassalna għal żbilanċi perikolużi għall-futur tagħna. Minkejja dan, mhux se nkunu nistgħu nsewwu d-dannu billi nagħżlu li ngħibu. Jeħtieġ li nippromwovu l-post tal-bnedmin bħala gwardjani ta’ din id-dinja. Ir-responsabbiltà fil-konfront tan-natura ma timplikax li l-bniedem jiċħad lir-rwol tiegħu, li jieqaf jaġixxi jew jipprova jħassar lilu nnifsu, iżda li juri r-responsabbiltà għal dinja aktar umana u jsib is-sostenibbiltà permezz tar-raġuni. Aħna jeħtiġilna nibbażaw id-deċiżjonijiet tagħna fuq il-fatti u x-xjenza, minflok ma niddependu minn ideoloġiji u komunikazzjonijiet superfiċjali ggwidati minn slogans u mingħajr sustanza. Il-ħidma b'mod moderat u l-ħsieb fit-tul biss, se jippermettulna nirkupraw il-bilanċ klimatiku, nipproteġu l-bijodiversità, nippromwovu l-benesseri tal-annimali, biex nieħdu ħsieb il-pajsaġġi u nittrażmettu s-sbuħija tad-dinja. In-nies, jifhmu li ma nistgħux inkomplu nużaw il-ġid tad-dinja kif għamilna fil-passat. Bażikament jeħtieġ li ngħarfu eżattament kemm hemm bżonn żmien biex nittrasformaw l-ekonomija, u jeħtiġilna nkunu magħqudin f'dan l-aspett: f'dan il-qasam ukoll, jeħtieġ li jkollna fiduċja fl-ispirtu Ewropew u fil-kapaċità tagħna li niffaċċjaw l-isfida ekoloġika.

Ir-responsabbiltà tagħna lejn l-iżgurar ta' natura ħajja u vibranti ma tieqafx mal-ħarsien tal-ambjent. Aħna wkoll il-gwardjani tal-kundizzjoni umana nnifisha, marbuta mill-qrib mad-dinjità tal-persuna umana, il-karatteristiċi kostitwenti tan-natura tagħha, il-libertà tal-kuxjenza u r-rispett għad-drittijiet fundamentali. Il-persuni kollha għandhom il-valur tagħhom infushom, indipendentement mill-użu tagħhom għall-umanità. Huwa d-dmir tagħna li nippreservaw dinja li fiha tibqa' possibbli ħajja verament umana, billi nipproteġu l-aspett importanti tar-relazzjonijiet li jikkostitwixxu il-pedament ta' ħajjitna: il-fiduċja reċiproka bejn in-nies, is-sens ta' appartenenza għal komunitajiet partikolari, il-familja fl-ewwel post, u l-komunità politika, li tgħaqqad lill-individwi bl-għarfien tal-ġid komuni. Dawn huma l-istrutturi li permezz tagħhom kull persuna tista' tiġi ffurmata u tilħaq il-milja tagħha, tista' tiżviluppa r-raġuni u l-intelliġenza, titgħallem tgħix ma' oħrajn, u tgħix f’libertà ġenwina, ffurmata mir-responsabbiltà. Ma hemm l-ebda politika li tistabbilixxi l-bażi għall-futur mingħajr ma tappoġġja lill-familji, il-pedament ta' kwalunkwe soċjetà u l-kundizzjoni tal-vitalità futura tagħha. Għal din ir-raġuni, nafu li l-kwistjoni demografika fl-Ewropa ma tistax tiġi injorata: l-eżodu ta' mħuħ – speċjalment mit-Tramuntana għan-Nofsinhar u mil-Lvant għall-Punent – u r-rati baxxi ta' twelid u s-soċjetajiet li qed jixjieħu għandhom impatt sproporzjonat fuq gruppi, ġenerazzjonijiet u reġjuni differenti. Dan l-ispiral demografiku negattiv jaffettwa l-ekonomija – joħloq nuqqas sinifikanti ta' ħaddiema – u jaffettwa wkoll is-sistemi soċjali u taż-żgħażagħ tagħna. Din hija theddida għall-futur tal-pajjiżi tagħna. Għalhekk, għandna nżidu pilastru demografiku mad-deċiżjonijiet tagħna fl-oqsma politiċi kollha. Aħna mhux biss irridu nżommu l-familji flimkien, iżda rridu wkoll noħolqu l-kundizzjonijiet għall-ġid tal-familji billi nsibu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja u nappoġġjaw soċjetà li tħaddan lit-tfal.

Barra minn hekk, minħabba l-pandemija tal-coronavirus, il-kwistjoni tas-saħħa qed issir dejjem aktar importanti għas-soċjetà: aħna, bħala Demokristjani, dejjem nirsistu biex jinstab bilanċ bejn il-ħarsien u l-libertà tal-persuna – fiżika, mentali u soċjali – li huma fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Aħna nemmnu f'soċjetà li tgħin lil dawk fil-bżonn. Fir-riċerka medika, il-loġika kummerċjali tas-soltu jeħtieġ li tkun iggwidata mill-interess ġenerali tal-ġid komuni, u dan peress li hekk huwa meħtieġ. Sabiex niksbu dan, aħna nemmnu fil-kooperazzjoni xjentifika internazzjonali, sabiex l-Ewropa tkun tista' tikkontribwixxi għall-progress mediku u tibbenefika minnu.

Il-mard mgħandux fruntieri. Din hija r-raġuni għaliex is-saħħa hija sfida komuni. Huwa meħtieġ li nżidu r-reżiljenza u l-indipendenza tal-Ewropa fil-provvisti mediċi u fl-ingredjenti farmaċewtiċi attivi, ninvestu fi proġetti ta' riċerka komuni, niżguraw aċċess adegwat għas-servizzi mediċi għaċ-ċittadini kollha, insaħħu l-kooperazzjoni transfruntiera u reġjonali Ewropea fil-qasam tal-kura tas-saħħa u nibnu teknoloġiji li jipprovdu kura aħjar, filwaqt li jiġu ddeterminati standards għoljin għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti. L-iżgurar tar-reżiljenza tal-infrastruttura bażika, għax-xokkijiet esterni, huwa ta' importanza kbira biex jiġi pprovdut il-forniment kontinwu u sikur tas-servizzi tas-saħħa essenzjali. F'dan ir-rigward, diġà ħadna pożizzjoni ċara dwar l-isfruttament għaqli tal-potenzjal Ewropew innovattiv fil-ġlieda kontra l-kanċer. Issa jeħtiġilna naħdmu lejn politika Ewropea tas-saħħa li tibqa' valida fil-futur, imħejjija għall-kriżi li jmiss, u ngħinu liċ-ċittadini tagħna permezz ta' tixjiħ attiv u f'saħħtu.

2. Is-salvagwardja tal-kundizzjonijiet għall-prosperità futura

Fid-dinja globalizzata tas-seklu wieħed u għoxrin, ir-responsabbiltà tagħna hija li niddefinixxu lir-rwol tal-ekonomija tas-Suq Soċjali kemm fl-Ewropa, kif ukoll lil hinn minnha. Il-moviment ħieles tal-merkanzija, tal-kapital, tas-servizzi u tal-persuni, kif ukoll tal-kompetizzjoni nnifisha, irid ikun marbut mad-dinjità tal-bniedem. L-iżgurar tal-istabbiltà fis-soċjetajiet tagħna jfisser li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għal prosperità kondiviża b'mod sostenibbli. Dan jista' jinkiseb biss bil-mertu tax-xogħol deċenti, li jġib id-dinjità. Lir-rwol essenzjali tax-xogħol fl-ekonomija u fis-soċjetà huma rikonoxxuti mid-Demokrazija Kristjana. Ix-xogħol jipproduċi beni jew servizzi meħtieġa għall-ħajja jew għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien; permezz tal-isforz kollettiv tiegħu, dan joħloq ukoll relazzjonijiet essenzjali bejn in-nies. Aħna nirrifjutaw kwalunkwe idea li tqis ix-xogħol biss bħala ġlieda għall-poter, relatata mal-pressjoni u l-moħqrija, logħba li ma tirrendi f'xejn, fejn il-gwadann ta' parti waħda jimplika t-telf tal-oħra. Aħna nemmnu li x-xogħol jippermetti lil kwalunkwe soċjetà biex toħloq, b’mod magħqud, ħafna aktar mit-total tal-isforzi individwali. Dan jimplika li l-Ewropa jeħtiġilha taġixxi biex tiżgura r-rispett għax-xogħol u l-paga ġusta; is-salarji għandhom jippermettu lin-nies ikollhom ħajja deċenti. Dan iffisser ukoll il-libertà intraprenditorjali u kundizzjonijiet ekwi fil-kummerċ, fis-Suq Uniku u fir-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali tiegħu. L-ekonomija qiegħda hemm għas-servizz tal-bniedem, u mhux bil-kontra.

Aħna nafu li x-xogħol huwa ħafna aktar mis-sempliċi fatt li wieħed jaqla' paga: huwa jagħti lin-nies l-iskop, it-tifsira u l-libertà, iżda wkoll l-interazzjoni ma' bnedmin oħra u l-kreattività. Aħna nemmnu bis-sħiħ li x-xogħol huwa l-mezz li bih il-bniedem jirrealizza l-personalità tiegħu u jesprimi l-kwalitajiet personali u l-inklinazzjonijiet tiegħu. Dan jagħti lin-nies il-possibbiltà li jipparteċipaw fil-bini ta' xi ħaġa akbar minn ħajjithom stess. Din hija r-raġuni għaliex aħna naffermaw li l-ħolqien tal-impjiegi u tal-opportunitajiet ta' tagħlim u tal-intraprenditorija hija politika ħafna aħjar mill-appoġġ finanzjarju biex jitnaqqas, b'mod partikolari, il-qgħad fost iż-żgħażagħ. Il-mira li nilħqu livell għoli ta' impjiegi trid titqies fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u tal-attivitajiet Ewropej. Bl-istess mod, aħna nemmnu bis-sħiħ fil-valur tal-proprjetà privata sa fejn tiggarantixxi l-libertà, filwaqt li tnissel sens ta' responsabbiltà. Aħna nirrikonoxxu l-valur tax-xogħol volontarju li huwa ta' benefiċċju għas-soċjetà tagħna b'ħafna modi u jappoġġja lin-nies fil-bżonn.

L-ebda soċjetà mhija għanja, ġusta u magħquda mingħajr xogħol. Dan ifisser ukoll li l-pajjiżi żviluppati tagħna ma jistgħux jittrattaw ix-xogħol bħala fattur ta' spiża biss, jew jippruvaw jeħilsu minnu, b'mod partikolari billi jiddelegaw lil persuni anqas sinjuri l-kompitu li jipproduċu għalina. L-ekonomija tas-Suq Soċjali hija bbażata fuq il-benefiċċju reċiproku tal-iskambji ekonomiċi, bil-kundizzjoni li kullħadd jikkontribwixxi bil-prodott tax-xogħol tiegħu fis-suq.

F'din il-perspettiva, il-kummerċ huwa sors ta' prosperità u benefiċċji reċiproċi. Sakemm jiġu applikati d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u r-regoli komuni, filwaqt li titqies ir-responsabbiltà ambjentali u soċjali, politika kummerċjali bbilanċjata tista' tkun mod kif il-prodotti tax-xogħol u l-għarfien Ewropej jitressqu fis-swieq barranin, billi tingħata spinta lill-innovazzjoni teknoloġika, lill-għażla tal-konsumatur u lil prezzijiet aktar baxxi, filwaqt li tissaħħaħ il-pożizzjoni ġeopolitika tagħna fid-dinja u jinbnew pontijiet lejn kontinenti u kulturi oħra. Madankollu, din il-politika għandha tqis mhux biss il-konsumatur, iżda wkoll il-produttur: l-Unjoni Ewropea trid tiżgura kundizzjonijiet ekwi reali fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha, biex tevita distorsjonijiet ekonomiċi u soċjali, billi titlob reċiproċità konkreta lill-pajjiżi kollha li jixtiequ jidħlu fis-Suq Uniku tagħha. Aħna jeħtiġilna niżguraw li l-kummerċ ma jwassalx għall-isfruttament tal-inġustizzji jew għad-deterjorament tal-istandards tal-għajxien, u lanqas ma jikkawża dipendenza unilaterali: għalhekk, għandhom jiġu stabbiliti salvagwardji sabiex jiġu bbilanċjati l-ħtiġijiet individwali tal-konsumaturi mal-ġid komuni tas-soċjetajiet tagħna. Aħna rridu nsiru aktar sodi f'dan ir-rigward: l-Ewropa jeħtiġilha tagħti lilha nnifisha l-mezzi biex tirkupra l-kapaċità tagħha li taħdem, tipprovdi, issostni u tipproduċi domestikament permezz tas-setturi agrikoli u alimentari tradizzjonali tagħha u l-industriji tagħha, kif ukoll tiżviluppa aktar is-setturi tal-enerġija, tal-materja prima kritika, tal-ipproċessar u tal-komponenti tagħha tal-kapaċitajiet u tas-servizzi tal-produzzjoni. Din mhijiex biss sfida ekonomika, iżda wkoll ekoloġika u ġeopolitika.

Sabiex il-pajjiżi tagħna jkun jista' jkollhom post b'saħħtu f'dinja ta' setgħat kompetittivi, inkluż fil-kummerċ dinji, l-Ewropa jeħtiġilha tiżgura s-sigurtà alimentari tagħha u l-awtonomija strateġika miftuħa, b'mod partikolari permezz ta' sforz ta' riċerka sostnut; pereżempju, f'teknoloġiji diġitali u ġodda. Filwaqt li tappoġġja ordni multilaterali bbażata fuq ir-regoli għall-fini tal-promozzjoni ta' kompetizzjoni kummerċjali internazzjonali ġusta, din jeħtiġilha tkun lesta wkoll li tiddefendi b'mod attiv l-interessi u l-valuri tagħha permezz ta' ftehimiet bilaterali u strumenti awtonomi. Aħna jeħtiġilna nibqgħu miftuħa għad-dinja, iżda ma nippermettux lil reġimi awtoritarji jisfruttaw is-Suq Uniku tagħna jew jisirqu l-proprjetà intellettwali mill-kumpaniji tagħna u għalhekk jipperikolaw id-demokraziji tagħna permezz ta' ċiberattakki u influwenza malinna.

Id-diġitalizzazzjoni diġà qed tittrasforma l-mod li bih nikkomunikaw, naħdmu u ngħixu. Fl-era diġitali l-ġdida, l-Ewropa se tiżgura biss prosperità futura reali, jekk tinvesti b'mod konvinċenti fir-riċerka u l-innovazzjoni u tipprovdi l-ambjent xieraq għall-varar ta' infrastrutturi fiżiċi u diġitali. Għalina, bħala Demokristjani, hija t-tfittxija għall-ġid komuni, aktar milli l-flus, is-setgħa jew l-ideoloġija, li dejjem għandha tixpruna l-għażliet tagħna fir-rigward tal-innovazzjoni. Il-persuna jeħtiġilha tkun fiċ-ċentru: aħna rridu nsawru r-rivoluzzjoni diġitali skont il-valuri u l-etika komuni tagħna. Għalina, l-innovazzjoni mhijiex għan fiha nnifisha; hija mezz biex tittejjeb il-ħajja tan-nies. Aħna rridu noħolqu kundizzjonijiet li jippermettu lill-bniedem ikun fil-kontroll tat-teknoloġiji futuri, speċjalment permezz tal-edukazzjoni. Peress li dan mhuwiex il-każ fil-partijiet kollha tad-dinja, jeħtieġ li niddefinixxu approċċ regolatorju għall-Intelliġenza Artifiċjali u l-Big Data fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul, ibbażat fuq il-promozzjoni tad-dinjità tal-bniedem kontra ideoloġiji transumanisti u ewġeniċisti, jew il-kommodifikazzjoni tal-ġisem tal-bniedem.

Fl-istess ħin, jeħtiġilna noqogħdu attenti u nevitaw l-istess tfixkil politiku u soċjali maħluq mill-ewwel Rivoluzzjoni Industrijali. Minkejja benefiċċji kbar, din ħolqot ukoll diviżjonijiet kbar bejn ir-rebbieħa u t-telliefa fis-soċjetà. Għall-kuntrarju tal-passat, irridu nużaw avvanzi teknoloġiċi bi skop biex noħolqu miljuni ta' impjiegi ġodda u nappoġġjaw liċ-ċittadini f'din it-tranżizzjoni diġitali. Ħadd ma għandu jitħalla jibqa' lura f'din ir-rivoluzzjoni, u dan se jirrikjedi sforz importanti ta' titjib tal-ħiliet permezz tal-edukazzjoni, u li jwieġeb ukoll għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-avvanzi teknoloġiċi. L-Ewropa jeħtiġilha wkoll tkompli tiddiskuti ma' Stati u organizzazzjonijiet oħra, b'mod partikolari ma dawk li jaħsbuha bl-istess mod, sabiex jinstabu soluzzjonijiet usa' għal problemi komuni bħall-kummerċ diġitali, il-flussi tad-data u t-tassazzjoni.

3. Is-salvagwardja tal-kultura u l-istil ta' ħajja Ewropew

B'dan il-mod, l-Ewropa se tkun tista' tgħaddi lill-Ewropej ta' għada l-kapaċità li jaġixxu għall-ġid tal-umanità, għall-progress soċjali u ekonomiku, abbażi tal-prinċipji li jorbtuna flimkien. Minħabba li l-Ewropa mhijiex spazju newtrali, u lanqas ma hi sempliċement suq uniku, jew organizzazzjoni internazzjonali bħal kwalunkwe organizzazzjoni oħra: hija bbażata fuq ċiviltà, li tnisslet mit-tilqigħ tal-wirt Grieg-Latin mal-pilastri Lhud u Kristjani, wara t-triq tagħha tul l-era medjevali, jiġifieri r-Rinaxximent u l-Illuminiżmu. L-idea tal-Ewropa tidentifika spazju ġeografiku u spiritwali, li jmur lura għal diversi millenji. Ilkoll flimkien, aħna ċittadini tal-Ewropa u għalhekk irridu nrawmu fil-wirt tagħna identità Ewropea komuni flimkien ma' dawk nazzjonali tagħna.

L-Ewropa tal-lum se tkun imħejjija aħjar għal kompiti futuri jekk tirrikonoxxi u tagħti valur, isem u tittrażmetti dawn l-għeruq intellettwali u spiritwali, li għal sekli sħaħ sostnew il-pluralità tal-kulturi tagħna. Fid-diversità tagħhom, il-pajjiżi tagħna huma magħqudin b'dawn l-oriġini komuni, permezz ta' stil ta' ħajja partikolari, kunċett tal-persuna u tas-soċjetà u t-traduzzjoni ta' dan fil-liġi, fl-arkitettura u fl-urbanizzazzjoni, fil-lingwi u fl-arti. Jekk l-istorja Ewropea spiss sfortunatament ma kinitx fidila lejn dan il-wirt, rat iċ-ċiviltà komuni tagħna timmatura, anki permezz tal-iżbalji tagħna. Huwa meħtieġ, aktar minn qatt qabel, li nippreservaw u ngħaddu dak li nirċievu minnha għall-futur: il-prinċipju tad-dinjità inaljenabbli ta' kull persuna, u s-solidarjetà b'attenzjoni speċjali lejn dawk l-aktar vulnerabbli; il-protezzjoni mingħajr kundizzjoni tal-libertà tal-kuxjenza, tal-libertà tar-reliġjon, u tal-libertà tal-espressjoni; is-sens ta' responsabbiltà u t-twettiq tal-ġid komuni; inklinazzjoni għall-konverżazzjoni, l-arti taċ-ċiviltà, approċċ ta' raġuni u moderazzjoni; tħassib għall-ġustizzja, u rieda li l-użu tal-forza jitqiegħed fis-servizz tal-liġi; l-ugwaljanza quddiem il-liġi, u b'mod partikolari l-ugwaljanza tal-irġiel u tan-nisa. It-tradizzjoni politika tad-Demokrazija Kristjana, li b'mod partikolari hi marbuta mal-wirt taċ-ċivilizzazzjoni Ewropea, għandha dawn il-valuri fil-qalba tagħha.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-Ewropa tista' toffri lid-dinja ta' għada l-lealtà li hija dovuta għal dawn il-prinċipji essenzjali tal-istil ta' ħajja Ewropew. Sabiex tagħmel dan, l-ewwel nett jeħtiġilha timpenja ruħha mill-ġdid li tgħaddi l-wirt tagħha lill-ġenerazzjonijiet futuri, permezz tar-rwol primordjali tal-edukazzjoni, sabiex tkun tista' żżid il-libertà ta’ dawn il-ġenerazzjonijiet u, fl-istess ħin, tqajjem il-kuxjenza tagħhom dwar dak li għandna komuni bejnietna. Id-dmir li niftakru u t-tagħlimiet tal-istorja ma jfissrux ħtija perpetwa, jew iċ-ċaħda tal-għeruq li jagħmluna dak li aħna: ir-rifjut tal-għeruq tagħna jista' jiżolana biss fl-individwaliżmu, it-telf tas-sens, il-kunflitti komunitarji, u b'hekk jagħti spazju għal ideoloġiji bħall-Iżlamiżmu radikali. Il-familjarizzazzjoni maċ-ċivilizzazzjoni unika li nirċievu mill-anzjani tagħna, u l-apprezzament tagħha, huma għalhekk aktar meħtieġa biex nidentifikaw ruħna fiha u jkollna sens ta' appartenenza. Għall-immigranti żgħażagħ, il-familjarizzazzjoni maċ-ċivilizzazzjoni u mal-istil ta' ħajja Ewropew tagħna, u l-apprezzament tagħhom, huma importanti biex dawn jikkondividu referenzi komuni u jħossuhom integrati fis-soċjetà li qed ngħixu flimkien fiha u li huma parti minnha. Għalkemm ir-responsabbiltà għall-integrazzjoni tinsab prinċipalment f'idejn l-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea tappoġġja lill-awtoritajiet nazzjonali.

Hija meħtieġa integrazzjoni b'suċċess sabiex ir-rabta ċivika tkun waħda dejjiema. Id-dħul ta' persuni mingħajr ma verament nkunu nistgħu noffrulhom post fis-soċjetà tagħna mhijiex xi ħaġa li tagħmel ġid. Dan malajr iwassal għal sfruttament u kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena għall-ħaddiema migranti jew għal problemi ta' integrazzjoni, anki f'ġenerazzjonijiet suċċessivi. Din hija r-raġuni għaliex l-integrazzjoni dejjem għandha tkun prijorità, bħala kompitu reċiproku kemm għas-soċjetà, kif ukoll għal dawk tal-ewwel ġenerazzjoni. Dan jirrikjedi li persuna tirċievi edukazzjoni ċivika, titgħallem il-lingwa, issib xogħol u taċċetta n-normi u l-valuri tas-soċjetà tagħna. Min-naħa l-oħra, kull min jagħżel bis-sħiħ li jinvolvi ruħu fis-soċjetà tagħna, jeħtieġlu jħoss sens ta' appartenenza, kif ukoll jħoss li għandu futur hawnhekk bħala ċittadin sħiħ.

Il-bnedmin mhumiex atomi indistingwibbli li qed jiżviluppaw fi spazju newtrali: il-kondiviżjoni ta' dawn ir-referenzi komuni hija l-prekundizzjoni għal ħajja paċifika fis-soċjetà. Dan ifisser li, mingħajr ma tintilef perspettiva umanitarja, huwa meħtieġ li jiġi ggarantit kontroll aktar strett tal-fruntieri u l-kontroll tal-flussi migratorji, li mingħajrhom kwalunkwe soċjetà tista' tkun soġġetta għal destabbilizzazzjoni. Kull persuna taspira li tgħix f'dinja b'kultura, lingwa u stil ta' ħajja familjari: l-ebda politika dwar il-migrazzjoni ma tista' teskludi din il-ħtieġa filwaqt li tqis il-kalkoli ekonomiċi biss, tiġġustifika l-impotenza tagħna, jew tħeġġeġ iċ-ċirkolazzjoni. Id-dritt primarju ma għandux ikun li wieħed jiġi milqugħ f'dar ħaddieħor, iżda li jkun jista' jgħix f'daru stess.

Sabiex issir kompletament effiċjenti, l-Ewropa jeħtiġilha timpenja ruħha b'mod aktar effettiv biex ittejjeb il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini, tappoġġja l-iżvilupp u l-integrazzjoni reġjonali tal-Afrika u l-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw u dawk b'ekonomiji emerġenti tad-dinja. L-irkupru ta' dan il-bilanċ huwa essenzjali minħabba li rridu nippreservaw id-dritt għall-ażil, li huwa parti miċ-ċivilizzazzjoni tagħna: dan id-dmir ta' umanità jimplika li nilqgħu b'dinjità lil dawk li huma ġenwinament mhedda jew ippersegwitati, mingħajr ma jitħalla li jkun hemm flussi migratorji mhux ikkontrollati għall-benefiċċju tan-networks tat-traffikar tal-bnedmin. Il-garanzija li dawk biss li huma legalment awtorizzati li jidħlu fl-Ewropa hija kundizzjoni għall-unità tas-soċjetajiet tagħna kif ukoll għas-sigurtà tan-nies lil hinn mill-fruntieri tagħna, fuq l-art u fuq il-baħar. Il-qsim illegali jwassal għal traġedji umani reali. Aktar minn għoxrin elf immigrant mietu fil-Mediterran minn meta faqqgħet il-mewġa tal-migrazzjoni fl-2014. Din il-kriżi ħolqot diffikultajiet serji biex jiġi żgurat kontroll effettiv fil-fruntiera esterna f'konformità mar-regoli ta' Schengen, kif ukoll biex jiġu milqugħa u ġestiti l-immigranti mal-wasla tagħhom. Din il-kriżi enfasizzat ukoll nuqqasijiet strutturali usa' fil-mod ta’ kif il-fruntieri esterni tal-Unjoni huma protetti.

4. Is-salvagwardja tal-politiki

Il-politika hija fl-aħħar mill-aħħar deliberazzjoni u azzjoni flimkien. Sabiex il-politika, tkun tista' tibqa' possibbli, huwa meħtieġ li tkun tista' tingħadda l-prattika ta' demokrazija u ta' parteċipazzjoni f'ċivilizzazzjoni komuni. Dan jippresupponi għarfien dwar x'jgħaqqadna flimkien: soċjetà mhijiex ġemgħa ta' individwi kkundannati biex jgħixu fis-solitudni, u lanqas mhija kamp tal-battalja bejn gruppi distinti, li kull wieħed minnhom jiddefendi l-interessi jew l-identità tiegħu stess. In-natura u l-kultura li naqsmu flimkien, is-sigurtà u l-prosperità u l-paċi u l-ġustizzja, jikkostitwixxu l-pedamenti ta' ġid komuni li ħadd ma jista' jkun indifferenti lejh, u li huwa d-dmir ta' kulħadd li jżomm. Is-sensibilizzazzjoni dwar din il-perspettiva komuni hija aktar u aktar meħtieġa fi żmien meta l-qasmiet soċjali, ġeografiċi u komunitarji qed jimminaw l-unità tas-soċjetajiet Ewropej.

L-atomizzazzjoni tas-soċjetà tikkontribwixxi biex tinħall ir-rabta ċivika: is-sempliċi possibbiltà u l-futur tal-politika qegħdin f'riskju u mingħajr politika tirbaħ biss il-vjolenza. Il-kisba mill-ġdid tat-tifsira tal-politika tfisser li jiġi affermat mill-ġdid li l-politika ma tistax tiġi diżassoċjata mir-rekwiżit morali li l-politika sservi l-ġid komuni. Hija tfakkira li kemm id-dmirijiet taċ-ċittadini, kif ukoll ir-responsabbiltajiet tar-rappreżentanti eletti jirrikjedu element ta' ħsieb biex naslu għall-verità u allura jirrikjedu wkoll għarfien. Dan ifisser li d-dibattitu pubbliku m’għandux jitħalla jinħakem mill-anatema u minn dak li huwa superfluwu. Id-dibattitu pubbliku lanqas m’għandu jitħalla jinħakem minn azzjoni pubblika li tiġi ridotta għal tattiċi elettorali, diżinformazzjoni u komunikazzjoni permanenti, u l-ġlieda kontra dan il-moviment, b'mod partikolari billi tiġi promossa l-libertà tal-midja. Din hija t-tifsira vera tal-pluraliżmu demokratiku. Il-lealtà politika timplika li nibqgħu kritiċi tagħna nfusna: aħna rridu li l-ħidma ta' kuljum tagħna tkun leali għall-prinċipji Demokristjani tagħna. Din il-prijorità etika hija l-kundizzjoni biex terġa' tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini. Hija urġenza vera peress li din l-isfiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi hija waħda mill-problemi kruċjali ta' żminijietna: il-kumplessità dejjem akbar fis-soċjetajiet tagħna hija waħda mir-raġunijiet, iżda lanqas ma għandna ndawru wiċċna quddiem il-forzi li jiġġieldu l-bażi tad-demokrazija.

Id-Demokrazija Kristjana għandha rwol fir-rikonċiljazzjoni: aħna rridu nindirizzaw l-akbar lakuni li jinstabu fl-Ewropa.

Il-kisba mill-ġdid tat-tifsira tal-politika tinvolvi wkoll ir-rispett mingħajr kundizzjonijiet tal-istat tad-dritt u r-rifjut tas-setgħa tal- arbitrarjetà. L-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tistabbilixxi kriterji ċari, ġusti u imparzjali li jiddefinixxu l-istat tad-dritt u li m’ għandhomx jintużaw ħażin minn ġlied ideoloġiku biex jiffurmaw il-karattru futur tal-Unjoni Ewropea. Il-valuri tal-istat tad-dritt u ġudikatura indipendenti huma kruċjali għall-preservazzjoni tal-ordni soċjali. Dawn il-valuri jirrappreżentaw il-kriterji politiċi li l-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fl-Unjoni Ewropea jeħtiġilhom jissodisfaw. Dawn jeħtieġ li jiġu mmonitorjati b'mod konsistenti u oġġettiv f'kull Stat Membru. Barra minn hekk, l-istat tad-dritt huwa protett ukoll permezz ta' soċjetà vibranti. Hemm bżonn li nippromwovu komunità reżiljenti billi nappoġġjaw soċjetà ċivili ġenwina fil-livell taċ-ċittadini. Speċjalment fi żminijiet ta' kriżi, soċjetà vibranti hija l-aħjar mod biex tinżamm l-għaqda fost in-nies.

Fl-aħħar nett, il-kisba mill-ġdid tat-tifsira tal-politika tfisser t-treġġigħ lura tad-demokrazija għall-essenza tagħha: din is-sistema politika, li rat it-twelid tagħha fl-Ewropa ħamsa u għoxrin seklu ilu, tfisser li n-nies għandhom is-setgħa li jirregolaw lilhom infushom permezz tad-deċiżjonijiet tagħhom, li mmaturaw f'konverżazzjoni ċivika. Filwaqt li din l-aspirazzjoni għal-libertà rat it-trijonf tagħha fuq it-Totalitarjaniżmu Nażista u Sovjetiku matul is-seklu għoxrin, l-esperjenza demokratika tidher li għal darb'oħra tinsab f'riskju minħabba l-ħolqien ta' forom ġodda ta' aljenazzjoni, l-effetti sekondarji tat-tixrid bla preċedent tal-gideb li jippermettu teknoloġiji ġodda, iż-żieda fil-globalizzazzjoni u l-iżvilupp ta' awtoritajiet mhux politiċi li ma jassumux ir-responsabbiltà quddiem in-nies. F'dan il-kuntest, ħafna ċittadini fl-Ewropa jħossu li ma jistgħux jiddeċiedu aktar, u lanqas ma għandhom kontribut sinifikattiv fil-proċess demokratiku, u li qed jitilfu l-kontroll tad-destin tagħhom.

L-Unjoni Ewropea ma għandhiex tkun fost l-istituzzjonijiet li jkunu favur dan is-sens ta' abbandun jew agħar minn hekk tradiment: huwa meħtieġ li l-Unjoni Ewropea tosserva l-prinċipju tas-sussidjarjetà li hija bbażata fuqu u li huwa definit fit-Trattati, sabiex kull deċiżjoni tittieħed fl-eqreb livell rilevanti għaċ-ċittadini, f'każijiet ta' kompetenzi kondiviżi fuq skala Ewropea biss "jekk l-azzjoni proposta ma tistax tinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri". Is-sussidjarjetà għandha tgħin biex jitnaqqas id-distakk bejn il-proġett Ewropew u r-realtà fil-prattika. Għalhekk, is-suġġetti relatati mal-kompetenzi nazzjonali, mhux attribwiti b'mod espliċitu lill-Unjoni fl-ambitu tat-Trattati (il-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi), għandhom jiġu rrispettati u ma jiġux ittrasformati fi kwistjonijiet ta' politika Ewropea, filwaqt li l-Unjoni Ewropea għandha tikseb setgħat ċari biex taġixxi b'mod effiċjenti fejn irridu nuru saħħa komuni. Il-virtù u s-setgħa tas-solidarjetà u s-sussidjarjetà jeħtieġu wkoll il-lealtà u t-twettiq tad-dmirijiet ta' kull membru. 

Minħabba li l-leġiżlazzjoni Ewropea għandha impatt reali fuq il-ħajja tan-nies, għandna bżonn Ewropa li tkun leali lejn id-demokrazija. Din hija r-raġuni għaliex iċ-ċittadini jeħtiġilhom ikollhom vuċi fid-deċiżjonijiet li jittieħdu fuq livell Ewropew. Jekk ma jsirx dan id-demokrazija fl-Istati Membri nfushom se tkun kompromessa. Minħabba li tat ħajja lil diversi lingwi, kulturi u popli, l-Ewropa trid tibqa' leali lejn skema politika speċifika. Il-mudell uniku tal-Ewropa huwa dak ta' unjoni ta' nazzjonijiet demokratiċi li oriġinaw minn ċivilizzazzjoni komuni. Il-proġett Ewropew jista' jerġa' jistabbilixxi s-sovranità sħiħa taċ-ċittadini, permezz ta' alleanza effettiva u strateġiji komuni li jippermettu lill-pajjiżi tagħna jilħqu l-isfidi globali li qed inħabbtu wiċċna magħhom flimkien. Huwa permezz ta’ dan li se nkunu nistgħu nsolvu l-kriżijiet li għaddejjin minnhom, u li ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet futuri l-possibbiltà li jżommu l-miraklu demokratiku ħaj.

Illum għandna bżonn dan l-approċċ biex immexxu lill-Unjoni Ewropea kontra l-ħafna theddidiet li qed inħabbtu wiċċna magħhom. Il-konvinzjonijiet Ewropej tagħna jirriżultaw mill-għarfien li permezz ta' spirtu u azzjoni Ewropej sodi biss se nkunu nistgħu ninfluwenzaw iż-żminijiet kumplessi quddiemna u noħorġu aktar b'saħħitna. Aħna nemmnu li s-soċjetajiet demokratiċi tagħna huma reżiljenti biżżejjed biex jegħlbu l-kriżijiet globali ta' żminijietna. It-tama għal futur aħjar hija t-tweġiba li d-Demokratika Kristjana tagħti għall-biża'. Id-Demokrazija Kristjana mhijiex biss kelma vojta tal-passat: hija mimlija b'valuri affidabbli, kif ukoll b'viżjoni ambizzjuża għall-futur tal-Unjoni Ewropea u tal-popli tagħha. Hija l-aħjar boxxla biex tmexxi lill-Ewropej fis-snin li ġejjin. Għal dawn ir-raġunijiet, aħna nemmnu bis-sħiħ li l-futur tal-Ewropa huwa marbut mill-qrib mal-futur tad-Demokrazija Kristjana.