Waqqfu lill-Gvernijiet milli jispjunaw fuq iċ-ċittadini - Casa

21.03.2024 9:21

Waqqfu lill-Gvernijiet milli jispjunaw fuq iċ-ċittadini - Casa

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

David Casa MEP

Direttiva fuq is-Sorveljanza għandha tkun prijorità fil-mandat li jmiss, Casa jgħid lil VDL

“Negozjati riċenti fuq il-Media Freedom Act esponew dgħufijiet sinifikanti fil-qafas legali li tirregola ċ-ċirkustanzi li fihom iċ-ċittadini jistgħu jitpoġġew taħt sorveljanza,” stqarr l-MPE David Casa f’ittra lil von der Leyen fil-kapaċità tagħha bħala l-kandidat prinċipali għall-President tal-Kumissjoni għall-mandat li jmiss.

Kien hemm kontroversji dwar il-Media Freedom Act għaliex riedet tintroduċi salvagwardji robusti dwar meta ġurnalisti setgħu jitpoġġew taħt sorveljanza.

“Ħaġa li mhix apprezzata hija li bħalissa meta niġu għas-sorveljanza taċ-ċittadini, m’hemm ebda salvagwadja fuq livell tal-UE dwar min jista’ jitpoġġa taħt sorveljanza u f’liema ċirkostanzi. Din għandha tinbidel. Ċittadini għandhom ikollhom serħan il-moħħ li l-komunikazzjonijiet tagħhom huma protetti, u li din il-protezzjoni tintrefa biss f’ċirkostanzi serji u ġustifikati. L-aktar ħaġa importanti hija li dawn id-deċiżjonijiet m’għandhomx jittieħdu mill-politiċi,” sostna Casa.

F’Malta s-sorveljanza hija regolata mill-Att dwar is-Servizz tas-Sigurtà u tista’ tiġi awtorizzata kontra kwalunkwe ċittadin mill-Ministru tal-Intern jew mill-Prim Ministru.

“In-nuqqas ta’ kontrolli ġudizzjarji hija konċernanti ħafna u fil-prattika tfisser li m’hemm ebda salvagwadja jew kontrolli biex iżżomm lill-Gvern Laburista milli jagħżel fuq min jispjuna.”

Casa stqarr li direttiva tal-UE fuq din il-kwistjoni tintroduċi standards minimi li jipproteġu ċ-ċittadini madwar l-Unjoni imma wkoll tagħti aktar saħħa lill-evidenza miġbura b’dan il-mod meta s-sorveljanza hija ġenwina. Huwa appella lill-Kummissjoni biex tipprijoritizza dan ix-xogħol fil-mandat il-ġdid.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'178 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat