"Investiga l-każijiet kollha ta' korruzzjoni u frodi, dawk kollha involuti fil-qtil ta' Daphne għandhom jitressqu quddiem il-qorti" - Parlament Ewropew

29.04.2021 9:59

"Investiga l-każijiet kollha ta' korruzzjoni u frodi, dawk kollha involuti fil-qtil ta' Daphne għandhom jitressqu quddiem il-qorti" - Parlament Ewropew

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Photo of Daphne Caruan Galizia
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Il-gruppi politiċi kollha jappoġġjaw riżoluzzjoni li titlob lill-Gvern Malti biex jaġixxi

Il-Parlament Ewropew qed jinsisti li l-Gvern Malti jiżgura li dawk kollha involuti fil-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia, kif ukoll dawk involuti f’każijiet ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus li hi investigat, jitressqu quddiem il-ġustizzja. Din is-sejħa saret f’riżoluzzjoni adottata mill-Plenarja tal-Parlament Ewropew illum, bl-appoġġ ta’ 635 MPE, filwaqt li 46 MPE vvutaw kontra. Ir-riżoluzzjoni ġiet adottata wara dibattitu, dwar l-istess suġġett, li sar fl-aħħar Sessjoni Plenarja f'Marzu.

B’reazzjoni għall-adozzjoni tar-riżoluzzjoni, il-Membri Maltin tal-Parlament Ewropew fi ħdan il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew, qalu li l-Gvern Malti ma jistax u m’għandux ikompli jinjora s-sejħiet magħmula mill-Parlament Ewropew.

L-Ewwel Viċi President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-Kwestur tal-Parlament Ewropew David Casa qalu, “Il-messaġġ tagħna huwa li l-azzjonijiet tax-xibka kriminali ma jirrappreżentawx il-veru wiċċ ta’ Malta. Dan il-messaġġ instema’ hawnhekk fi Brussell. Din mhix l-ewwel darba li l-Parlament Ewropew qed jitlob lill-Gvern Malti biex jieħu azzjoni konkreta. Il-Prim Ministru Robert Abela issa għandu imidd idejh, ixammar kmiemu u jimplimenta s-sejħiet tal-Parlament Ewropew.”

“Ir-riżoluzzjoni tagħmilha ċara li l-problema verà mhijiex il-poplu Malti, iżda l-Gvern li, mhux biss għandu uffiċjali għolja involuti f’korruzzjoni, ħasil ta’ flus, serq ta’ bank u qtil, iżda huwa l-istess Gvern li jipproteġi lil dawk kollha involuti f’tali atti kriminali."

Il-Parlament Ewropew u l-Membri tiegħu jafu li dawn il-ftit ħallelin ma jirrappreżentawx il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin. Il-MPE qegħdin fuq in-naħa tal-poplu, u jridu ġustizzja sħiħa, il-verità kollha u dawk responsabbli jinżammu responsabbli. Kulħadd irid li ssir ġustizzja. Kulħadd, minbarra dawk il-ftit involuti f’każijiet bħal dawn u dawk li qed joħorġu għonqom biex jiddefenduhom u jipproteġuhom,” qalu Roberta Metsola u David Casa.

L-MEPs tal-Partit Nazzjonalista tkellmu wkoll dwar l-importanza li jkollna midja ħielsa, b’ġurnalisti protetti, biex ikunu verament jistgħu jinvestigaw l-korruzzjoni. “Il-ġurnalisti jkunu protetti biss jekk ix-xogħol tagħhom ikun verament investigat mill-istituzzjonijiet, u b’hekk dawk involuti f'każijiet ta' korruzzjoni u ħasil ta' flus jiffaċċjaw ġustizzja. Huwa biss meta l-istituzzjonijiet jinjoraw ix-xogħol tal-ġurnalisti, naslu f’punt li l-istess ġurnalisti jitpoġġew f’riskju. Se nkomplu naħdmu, kemm fuq livell nazzjonali iżda wkoll fuq livell Ewropew, biex nintroduċu l-leġiżlazzjoni meħtieġa li tipproteġi lill-ġurnalisti minn theddid u attakki. "

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'178 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat