Suq Uniku Diġitali ċċentrat fuq il-konsumatur

L-ekonomija diġitali hija bażi fundamentali tat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE. Hija fundamentali għall-modernizzazzjoni tal-industrija tradizzjonali. Bi qligħ stmat ta’ €500 biljun  fi tkabbir addizzjonali u spinta sostanzjali għall-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa; aħna qed immexxu l-isforz biex jinħoloq l-ambjent adatt biex l-ekonomija diġitali tiffjorixxi, titwassal għażla aktar wiesgħa lill-konsumaturi u tiġi promossa l-inklużjoni soċjali.

Il-konsumaturi jeħtieġ li jkunu fil-qalba tas-Suq Uniku Diġitali. B’infiq tal-konsumatur li jammonta għal madwar 56 % tal-PDG tal-UE, aħna jeħtieġ li nibbenefikaw mill-għażliet ta’ Suq Uniku Diġitali diversifikat u li jiffunzjona. Dan ifisser regolamenti biex tiġi evitata d-diskriminazzjoni abbażi tal-lokazzjoni ġeografika, kontra prattiċi bħall-imblukkar ġeografiku għal xiri u pagamenti online. Il-konsumaturi jeħtieġ li jkunu jistgħu jaraw il-programm televiżiv favorit tagħhom anke meta jivvjaġġaw, jew ikollhom aċċess għall-abbonament domestiku tagħhom għal mużika, films jew servizzi tax-xandir tal-isport online meta jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor fuq bażi temporanja.

Il-promozzjoni tal-inklużjoni u l-innovazzjoni

Billi s-servizzi diġitali huma l-aktar settur tal-ekonomija li qed jikber malajr, jeħtieġ li niżviluppaw l-infrastruttura biex nappoġġjaw dak it-tkabbir. B’mod speċjali f’żoni remoti, fejn l-investiment fl-infrastruttura huwa anqas attraenti mil-lat kummerċjali, iżda huwa neċessarju biex ikun żgurat li kulħadd ikollu l-aċċess għall-internet.

Jeħtieġ ukoll li niżguraw li l-ekonomija diġitali sservi l-inklużjoni soċjali u ġenerazzjonali. L-Ewropej iridu jkunu litterati diġitalment sabiex ikun possibbli li s-settur tal-ICT tagħna jkun globalment kompetittiv. Aħna nemmu li huwa biss bil-promozzjoni tal-ħiliet diġitali f’kull stadju tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali li l-Ewropa se tkun tista’ tipprovdi l-ħaddiema u l-impjegati bi kwalifiki għolja li jeħtieġ is-settur.

L-innovazzjoni diġitali fl-Ewropa se tkun possibbli biss jekk noħolqu l-ambjent regolatorju adegwat: wieħed li jinkoraġġixxi l-innovazzjoni b’mod attiv u jippermetti li l-ideat innovattivi jiddaħħlu fis-suq malajr, kif ukoll jiffaċilita l-istabbiliment u l-bejgħ ta’ dawn il-prodotti u s-servizzi bħala marka ta’ kwalità fid-dinja kollha. Jeħtieġ li aħna ngħinu lill-Ewropej żgħażagħ jibdew u jespandu n-negozji.

Barra minn hekk, jekk irridu nlaħħqu fl-ekonomija globali u nagħmlu lill-UE post attraenti biex wieħed jinvesti, jistabbilixxi u jmexxi n-negozji, l-Ewropa jeħtieġ li ssaħħaħ u tinċentiva b’mod attiv id-diġitalizzazzjoni ta’ industriji oħra, bħal dawk tal-manifattura (fabbriki intelliġenti), is-setturi tal-enerġija u t-trasport, is-settur tal-bejgħ bl-imnut u l-SMEs, is-servizzi pubbliċi u l-edukazzjoni.

19.10.2018

In-nies fil-qalb tal-ekonomija diġitali