L-MEPs u l-ħaddiema tal-PE jistgħu jaraw stazzjonijiet tat-TV Maltin fil-PE

01.07.2021 13:58

L-MEPs u l-ħaddiema tal-PE jistgħu jaraw stazzjonijiet tat-TV Maltin fil-PE

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Quaestor David Casa MEP
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Il-Membri u l-ħaddiema kollha tal-Parlament Ewropew issa jistgħu jibdew jaraw l-istazzjonijiet televiżivi Maltin fl-uffiċini tagħhom. Dan kien possibbli wara intervent tal-Kwestur David Casa fir-rwol tiegħu ta’ Membru tal-Bureau tal-Parlament.

“Waħda mill-ewwel affarijiet li bdejt naħdem fuqhom meta ġejt elett Kwestur u Membru tal-Bureau, kienet li nassigura li jibda x-xogħol tekniku neċessarju biex il-Parlament ikollu stazzjonijiet televiżivi ta’ stati membri li ma kienux disponibbli. Dawn l-Istati Membri kienu jinkludu lil Malta. Illum, sodisfatt inħabbar li minn din il-ġimgħa, NET TV u ONE TV huma aċċessibbli fil-lista ta’ stazzjonijiet fil-Parlament,” qal il-Kwestur Casa.

L-MEP Casa tkellem ukoll mat-tmexxija tal-Public Broadcasting Services biex il-Parlament ikollu wkoll aċċess għal TVM1 u TVM2, fejn bħalissa għaddejjin id-diskussjonijiet tekniċi bejn DG ITEC tal-Parlament Ewropew u l-PBS. L-MEP Casa rringrazzja lit-tmexxija ta’ NET TV u ONE TV għall-koperazzjoni tagħhom mal-Parlament Ewropew.

Biex jikkonkludi, l-MEP Casa qal: “Filwaqt li llum faċli biex wieħed jagħmel streaming ta’ stazzjonijiet lokali fuq diversi apparati, il-fatt li Malta kienet wieħed mill-ftit Stati Membri mingħajr stazzjonijiet mxandra fil-Parlament, kienet xi ħaġa li, fl-opinjoni tiegħi, ma kienitx aċċettabbli. Illum, f’dak li għandu x’jaqsam mas-servizzi ta’ televiżjoni fil-Parlament Ewropew, Malta tpoġġiet fuq l-istess livell tal-Istati Membru l-oħra.”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'177 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat