Mhux se nieqfu niġġieldu għall-verità u l-ġustizzja

03.05.2018 15:59

Mhux se nieqfu niġġieldu għall-verità u l-ġustizzja

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Video picture
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għal-Libertà tal-Media, fil-Parlament Ewropew ġiet żvelata skultura minn artist Malti f’ġieħ Daphne Caruana Galizia

Waqt laqgħa emozjonanti mal-ġenituri ta’ Daphne Caruana Galizia, l-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani u l-MEP Roberta Metsola sostnew li mhux se jieqfu jiġġieldu għall-ġustizzja u biex il-verità dwar l-assissinju tkun magħrufa.

Il-President Tajani u l-MEP Roberta Metsola kienu qed jitkellmu waqt li fil-Parlament Ewropew, ġiet żvelata skultura mogħtija lill-President Tajani mill-artist Maltin Kevin Scerri, fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għal-Libertà għall-Media. L-iskultura ngħatat lill-President tal-Parlament Ewropew waqt ċerimonja simbolika fil-preżenza tal-ġenituri ta’ Daphne Caruana Galizia, Michael u Rose Vella, flimkien ma’ membri tal-familja. L-iskultura, li tfakkar il-ħajja u x-xogħol ta’ Daphne Caruana Galizia, se titpoġġa fis-sala tal-konferenzi tal-aħbarijiet tal-Parlament Ewropew fi Brussell.

Il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani qal: “Hu unur għalija li fil-Jum Internazzjonali għal-Libertà tal-Media, nirċievi din l-arti li tirrapreżenta l-ġlieda għall-verità minn Daphne Caruana Galizia. Il-ġlieda tagħha hi l-ġlieda tagħna. Attakk fuq ġurnalista hu attakk fuq il-libertajiet fundamentali tagħna. Mhux se nieqfu qabel issir ġustizzja ma’ Daphne, mal-familja tagħha u ma’ xogħlha. Diġà għedta meta kont Malta waqt il-funeral ta’ Daphne Caruana Galizia: irridu nkunu nafu min ordna dan il-qtil barbaru.

Il-Parlament qed jaġixxi b’mod konkret biex il-ġurnalisti jkunu protetti. Il-ġimgħa li għaddiet, tlabna lill-Kummissjoni Ewropea biex tippreżenta liġi kontra l-prattiċi tal-iSLAPP, u biex tiproponi inizjattivi li jipromwovu ġurnaliżmu ta’ kwalità fl-istati membri. F’ġieħ Daphne, se ninsistu li dawn it-talbiet jissarrfu f’azzjoni,” qal il-President Tajani.

“Ħarist lejn għajnejn il-ġenituri ta’ Daphne u wegħdthom għal darb’oħra li l-ġlieda għall-verità u l-ġustizzja għal binthom hi l-ġlieda tagħna wkoll. Mhix se tinkines taħt it-tapit. Daphne Caruana Galizia nqatlet għax fittxet il-verità u xejn mhu se jżommna milli ninistu għall-ġustizzja. Dawk li qatluha u dawk li ordnaw il-qtil tagħha mhux biss ċaħħdu lil Malta minn ġurnalista, iżda ħadu l-ħajja ta’ bint, oħt, mara u ħabib, imma anke fil-qtil tagħha ma setgħux jirbħulha - għaliex ġurnalisti oħra ħadu l-arma tagħha u ħolqu d-Daphne Project”, qalet Roberta Metsola.

“Daphne Caruana Galizia ppersonifikat l-ideal Ewropew, insistiet li l-klassi politiċi ġġib ruħha aħjar, u stenniet l-ogħla standards minn pajjiżha. Din l-iskultura se titpoġġa fil-qalb tad-demokrazija Ewropea, tfakkar ħajjitha u x-xogħol tagħha, waqt li sservi bħala tfakkira għall-bżonn li niproteġu l-libertà tal-media u s-saltna tad-dritt fl-Unjoni Ewropea,” qalet l-MEP Metsola.

L-artist Maltin Kevin Scerri qal li l-arti tiegħu tissimbolizza l-kuraġġ u d-determinazzjoni ta’ ġurnalisti madwar id-dinja kollha, li ma jieqfux ifittxu l-verità minkejja l-ostakli kollha. L-iskultura tal-injam turi ponn magħluq iżomm lapes imkisser fuq werqa Bay Laurel, li jissimbolizza s-saħħa u l-kuraġġ ta’ Daphne Caruana Galizia. “Il-messaġġ li pruvajt inwassal lill-ġurnalisti u li dawk li jridu jwaqqfuhom hu li ‘jekk tkissrulna l-lapes, nsinnu l-biċċiet u nkunu aktar b’saħħitna’. Wara li nqatlet Daphne Caruana Galizia, issa f’idejna biex insinnu l-lapes li nkiser u nkomplu bil-missjoni tagħha li tinkixef il-verità.”

Aktar kmieni matul il-ġurnata, l-ġenituri u l-qraba ta’ Daphne Caruana Galizia ltaqgħu maċ-Chairman tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber u s-Segretarju Ġenerali tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew Martin Kamp. Waqt il-laqgħa, iċ-Chairman Weber qal: “Daphne Caruana Galizia kienet ġurnalista li żvelat każijiet ta’ korruzzjoni u abbuż ta’ poter serji. Ninsab sodisfatt li d-Daphne Project kompla b’dawn l-investigazzjonijiet biex tinstab il-verità. Il-Grupp tal-PPE jagħti l-appoġġ kollu tiegħu lill-Partit Nazzjonalista fl-insistenza tiegħu biex isseħħ ġustizzja dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u biex jassigura li ssir ġustizzja ma’ dawk ħatja ta’ korruzzjoni u abbuż ta’ poter.”

Ritratti oħra taż-żewġ avvenimenti jistgħu jitniżżlu minn dan il-link. Tista' terġa' tara l-attività mal-President Tajani hawnhekk.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'219 Membru minn 28 Stat Membru.

Kontenut relatat