MEP Peter Agius jinsisti li CEO ġdid tal-PBS għandu jintgħażel b’sejħa pubblika fi proċess trasparenti.

09.09.2024 14:52

MEP Peter Agius jinsisti li CEO ġdid tal-PBS għandu jintgħażel b’sejħa pubblika fi proċess trasparenti.

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Peter Agius MEP
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

"Hekk kif riesqa elezzjoni ġenerali fejn il-poplu għandu d-dritt għall-informazzjoni sħiħa u imparzjali, il-Gvern għandu jara li minflok s-Sur Mark Sammut, jintgħażel kap tal-PBS b'sejħa pubblika.” Qal dan l-MEP Peter Agius b’reazzjoni għall-konferma li s-Sur Sammut se jirreżenja mill-PBS sal-aħħar tax-xahar.

Ir-Regolament Ewropew ‘Media Freedom Act’ issa jgħid li r-rwolijiet fil-PBS iridu jintgħażlu wara proċess pubbliku u trasparenti.  Skont ir-rapporti fil-media ċ-Chairman Eżekuttiv tal-PBS irreżenja. “Għalhekk, issa ċ-ċans li l-Gvern jimplimenta l-‘Media Freedom Act’ li vvota favurih fl-Ewropa”, insista l-MEP Peter Agius.

Ir-Regolament Ewropew jidħol fis-seħħ f’Awwissu tas-sena d-dieħla. L-MEP Peter Agius stqarr li “Sakemm m’għandux il-ħsieb li jaħtar CEO jew Chairman Eżekuttiv għal ftit xhur biss, il-Gvern għandu jibda josserva l-Media Freedom Act minn issa għall-għażla ta’ CEO flok Mark Sammut u jara li l-Kap eżekuttiv tal-PBS jinħatar b’sejħa pubblika fi proċess ġust u trasparenti kif tistabbilixxi l-Liġi Ewropea”

B’hekk, dan ikun l-ewwel pass importanti għall-libertà tal-midja f’pajjiżna, meħud minn Gvern li ilu żmien ikaxkar saqajh sabiex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika ta’ Daphne Caruana Galizia għal-liberta tal-istampa f’pajjiżna.

 

Nota għall-ġurnalisti: 

REGOLAMENT (UE) 2024/1083 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

Li jistabbilixxi qafas komuni għas-servizzi tal-media fis-suq intern u li jemenda d-Direttiva 2010/13/UE (l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media)

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artiklu 5

Salvagwardji għall-funzjonament indipendenti tal-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku jkunu editorjalment u funzjonalment indipendenti u jipprovdu b’mod imparzjali pluralità ta’ informazzjoni u opinjonijiet lill-udjenzi tagħhom, f’konformità mal-missjoni tas-servizz pubbliku tagħhom kif definit fil-livell nazzjonali f’konformità mal-Protokoll Nru 29.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri għall-ħatra u t-tneħħija tal-kap maniġerjali jew tal-membri tal-bord maniġerjali tal-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku jkollhom l-għan li jiggarantixxu l-indipendenza ta’ fornituri tal-media tas-servizz pubbliku.

Il-kap maniġerjali jew il-membri tal-bord maniġerjali tal-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku għandhom ikunu maħtura abbażi ta’ proċeduri trasparenti, miftuħa, effettivi u nondiskriminatorji u abbażi ta’ kriterji trasparenti, oġġettivi, nondiskriminatorji u proporzjonati stabbiliti minn qabel fuq livell nazzjonali. It-tul tal-mandat tagħhom għandu jkun biżżejjed għall-indipendenza effettiva tal-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku.

Id-deċiżjonijiet dwar it-tkeċċija tal-kap maniġerjali jew tal-membri tal-bord maniġerjali tal-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku qabel tmiem il-mandat tagħhom għandhom ikunu debitament ġustifikati, jistgħu jittieħdu biss b’mod eċċezzjonali meta dawn ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijiethom skont kriterji stabbiliti minn qabel fil-livell nazzjonali, għandhom ikunu soġġetti għal notifika minn qabel lill-persuni kkonċernati u għandhom jinkludu l-possibbiltà ta’ rieżami ġudizzjarju.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ finanzjament għall-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku jkunu bbażati fuq kriterji trasparenti u oġġettivi stabbiliti minn qabel. Dawk il-proċeduri ta’ finanzjament għandhom jiggarantixxu li l-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku jkollhom riżorsi finanzjarji adegwati, sostenibbli u prevedibbli li jikkorrispondu għas-sodisfazzjon u l-kapaċità li jiżviluppaw fil-missjoni tas-servizz pubbliku tagħhom. Dawk ir-riżorsi finanzjarji għandhom ikunu tali li jħarsu l-indipendenza editorjali tal-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku.

4.   L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità jew korp indipendenti wieħed jew aktar, jew jistabbilixxu mekkaniżmi ħielsa minn influwenza politika mill-gvernijiet, biex jimmonitorjaw l-applikazzjoni tal-paragrafi 1, 2 u 3. Ir-riżultati ta’ dak il-monitoraġġ għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

Link għar-Regolament

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat