Malta tista’ tapplika biex ikollha r-raba’ vapur t’Għawdex b’fondi Ewropej din is-sena MEP Peter Agius

17.03.2025 15:24

Malta tista’ tapplika biex ikollha r-raba’ vapur t’Għawdex b’fondi Ewropej din is-sena MEP Peter Agius

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Video picture
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

“Il-Gvern għandu opportunita’ li jpoġġi l-konnettivita’ għal Għawdex fuq nett tal-aġenda nazzjonali billi japplika għall-fondi Ewropej biex jikkommissjoni vapuri ġodda għall-Għawdex bħala parti mill-programm nazzjonali taħt il-Fond Ewropew għall-Klima, li għandu jiġi sottomess din is-sena. Barra minn hekk, mill-lum stess, għandu jimpenja ruħu biex il-konnettività tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) tal-Unjoni Ewropea li jmiss.” Dan qal l-MEP Peter Agius waqt il-Konferenza Nazzjonali "Vapuri Ġodda għal Għawdex: X’Tista’ Tagħmel l-Ewropa? X’Għandna Nagħmlu Aħna?", li saret fil-Kempinski Hotel, Għawdex.

Waqt il-konferenza li laqqgħet flimkien politiċi, rappreżentanti tan-negozju, akkademiċi u residenti, Dr. Agius enfasizza li l-konnettività mhix lussu imma bżonn, u elenka l-ħtieġa urġenti għal investiment f’soluzzjonijiet moderni, effiċjenti u sostenibbli tat-trasport.

Il-messaġġ politiku tiegħu kien appoġġjat mill-Kap tal-Oppożizzjoni Dr. Bernard Grech, li tenna l-impenn sħiħ tal-Partit Nazzjonalista biex itejjeb il-konnettività bejn Għawdex u Malta. “Għawdex jistħoqqlu aħjar, u irridu nitolbu dak li hu tagħna b’mod ġust. Aħna ma nwegħdux biss —il-PN qed jieħu azzjoni b’riżultati konkreti,” qal Dr. Grech. “Fi ftit xhur mill-elezzjoni Ewropeja, Peter Agius ippubblika rapport dettaljat dwar il-fondi Ewropej għal vapuri moderni u sostenibbli. Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lil Peter Agius talli wettaq fi ftit xhur dak li l-Gvern Laburista kellu jagħmel snin ilu. Din l-inizjattiva tikkonferma li l-PN qed jaħdem konkretament biex jiggwida lill-Gvern biex jieħu d-deċiżjonijiet it-tajbin dwar il-konnettività. Għal 12-il sena, smajna biss kliem vojt, imma dan mhux biżżejjed. Issa wasal iż-żmien għall-azzjoni,” ikkonkluda Dr. Grech.

Il-konferenza ġiet indirizzata minn numru ta’ esperti fis-suġġett. Dr. Karl Agius, visiting lecturer l-Università ta’ Malta, qasam għarfien dwar kif gżejjer oħra fl-Ewropa sfruttaw b’suċċess il-fondi tal-UE biex itejbu n-netwerks tat-trasport tagħhom.

Il-Professur Godfrey Baldacchino spjega sew l-impatti soċjali u ekonomiċi tal-konnettività marittima fuq il-komunitajiet tal-gżejjer, u enfasizza li trasport aħjar mhux biss ikun ta’ benefiċċju għall-passiġġiera kuljum, imma jsaħħaħ l-ekonomija u l-industrija tat-turiżmu ta’ Għawdex. « Il-konnettivita’ mhix privileġġ iżda dritt « 

Michael Galea, President tal-Kamra tan-Negozju ta’ Għawdex, enfasizza l-bżonn ta’ viżjoni fit-tul, u sejjaħ biex tinbidel il-flotta kollha tal-Gozo Channel b’servizz aktar sostenibbli, effiċjenti u estiż. “Ladarba l-infrastruttura tal-port titjieb, il-pass li jmiss għandha tkun li jkollna ħames vapuri fil-flotta tal-Gozo Channel biex nassiguraw servizz aktar effiċjenti u kontinwu.”

L-aspetti tekniċi u ambjentali tal-modernizzazzjoni tal-vapuri ġew indirizzati minn Kurt Gutteridge, Direttur tal-Kumpanija Naval Architectural Services, li spjega kif vapuri aktar nodfa u effiċjenti jistgħu jnaqqsu b’mod sinifikanti l-emissjonijiet filwaqt li jtejbu l-affidabbiltà tas-servizz.

Fotini Ioannidou, Direttur tat-Trasport Marittimu fil-Kummissjoni Ewropea, tat il-perspettiva Ewropewa u kkonfermat l-impenn tal-UE li tappoġġja l-konnettività tal-gżejjer. Hija enfasizzat l-opportunitajiet ta’ finanzjament li Għawdex jista’ jaċċessa għal proġetti ta’ trasport marittimu sostenibbli.

Dawk preżenti semgħu ukoll dwar l-implimentazzjoni ta’ proġett internazzjonali. Cecile Larsen, Maniġer tal-Proġett għal Ærøfærgerne fid-Danimarka, ippreżentat l-proġett b’fondi Ewropej li wassal għat-tnedija ta’ Ellen, vapur kompletament elettriku. Hija qalet li Għawdex jista’ jagħmel l-istess.

Il-konferenza kienet indirizzata mill-Kelliem tal-PN għall-Affarijiet Marittimi Ivan Castillo u l-Kelliem għall-Għawdex Alex Borg li t-tnejn li huma impenjaw ruħhom li jaħdmu favur konnettivita’ aħjar u inqas emissjonijiet.  

Fl-għeluq tal-Konferenza, l-MEP Peter Agius lill-politiċi u l-istakholders kollha biex jieħdu azzjoni deċiżiva flimkien. “Din hija opportunità li ma nistgħux nitilfu. L-UE lesta biex tgħin—issa rridu nassiguraw li nieħdu d-deċiżjonijiet it-tajbin għall-futur ta’ Għawdex”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat