“Malta se jkollha ssaħħaħ il-liġijiet kontra l-korruzzjoni, minkejja dak li jgħid Robert Abela” -Casa

28.01.2025 14:21

“Malta se jkollha ssaħħaħ il-liġijiet kontra l-korruzzjoni, minkejja dak li jgħid Robert Abela” -Casa

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

David Casa MEP

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew l-MEP David Casa wissa lill-Gvern Malti li l-intenzjonijiet tiegħu li jipproteġi lill-ħaddiema taċ-ċivil mir-responsabbiltà għal aġir kriminali jissugraw li jkunu inkompatibbli mar-regoli li ġejjin li jsaħħu l-liġijiet kontra l-korruzzjoni.

Casa, in-negozjatur tal-PPE dwar id-direttiva tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, tkellem qabel l-ewwel laqgħa interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, bil-presidenza Pollakka tirrappreżenta lis-27 gvern.

Id-Direttiva hija l-isforz ewlieni tal-UE biex issaħħaħ il-liġijiet nazzjonali dwar reati relatati mal-korruzzjoni, billi fost l-oħrajn tintroduċi kontenut minimu ta’ reati b’regoli ġodda dwar perjodi ta’ sentenzi u preskrizzjoni.

Casa nnota s-sitwazzjoni f’ċerti stati membri fejn il-politiċi korrotti dgħajfu sistematikament il-liġi biex jipproteġu l-kriminali f’ġieħ konvenjenza politika.

“Il-Parlament Ewropew jaf sew x’inhi s-sitwazzjoni fl-istati membri. Bir-retorika tiegħu favur il-korruzzjoni, Robert Abela jinsab fil-kumpanija dubjuża ta’ mexxejja oħra li qed idgħajfu s-saltna tad-dritt f’pajjiżhom.

“Il-Parlament għandu pożizzjoni b’saħħitha u l-prijorità tiegħi se tkun li niġġieled għall-ogħla standards possibbli biex ittejjeb dak li tista’ tagħmel l-Unjoni Ewropea biex tiġġieled lill-korrotti u tipproteġi liċ-ċittadini.

“Fl-aħħar mill-aħħar, Robert Abela mhux se jkollu għażla oħra ħlief li jittrasponi l-liġi. Sakemm naslu hemm, se nibqgħu attenti ħafna fuq l-isforzi kollha tiegħu li jaggravaw l-impunità f’Malta.”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat