Liġi ġdida li se tipproteġi lill-SMEs u tassigura deals aħjar għall-konsumatur - Zammit Dimech

17.04.2019 9:59

Liġi ġdida li se tipproteġi lill-SMEs u tassigura deals aħjar għall-konsumatur - Zammit Dimech

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Francis Zammit Dimech MEP
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

“In-negozji Maltin iriduna noħolqu ambjent għan-negozju ġust u kompetittiv, u biex niffaċilitaw li jkunu kompetittivi online. Jien kuntent li r-regolament il-ġdid li nnegozjajt se jassigura li n-negozji jkunu salvagwardati meta jużaw pjattaformi online biex jilħqu lill-konsumaturi, u li l-konsumaturi issa se jkollhom għażla aktar wiesgħa ta’ deals.” L-MEP Francis Zammit Dimech qal dan waqt li kien qed jindirizza dibattitu fil-Parlament Ewropew dwar regolament ġdid li jippromwovi t-trasparenza għan-negozji li jużaw il-pjattaformi online.

Zammit Dimech spjega kif in-negozji, speċjalment dawk żgħar, qed isiru aktar dipendenti fuq il-pjattaformi online biex jilħqu lill-konsumaturi, għaliex dawn tal-aħħar qed jużaw l-istess pjattaformi biex jixtru prodotti jew servizzi bħal titjiriet u akkomodazzjoni. Hu qal li minħabba f’hekk, hu kruċjali li l-pjattaformi jaħdmu b’mod trasparenti u ġust fil-mod ta’ kif jittrattaw lin-negozju, u dan biex jassiguraw kompetizzjoni ġusta.

Zammit Dimech, li serva bħala r-Rapporter fil-Kumitat tal-Affarijiet Legali, qal li n-negozji qed jinsistu mal-UE biex tappoġġa lis-settur tat-turiżmu. Hu qal li dan ir-regolament se jindirizza dan ukoll, peress li l-informazzjoni li tinġabar mill-pjattaformi minn attivitajiet kummerċjali, se tingħata lin-negozji rispettivi. Dan hu kruċjali għas-settur tat-turiżmu u se jassigura servizz aħjar u jiffaċilita marketing aktar immirat.

Filwaqt li irringrazzja lill-Malta Business Bureau għall-kontribut tagħhom, Zammit Dimech irrefera għall-manifest tagħhom għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2019, u l-mandat li jmiss tal-UE, u qal li fost it-temi msemmija, l-MBB insista fuq il-bżonn ta’ riformi neċessarji u politika li toħloq ambjent tan-negozji ġust u kompetittiv, biex tkun faċilitata t-trasformazzjoni diġitali, u biex jitkompla l-investiment fl-innovazzjoni. Hu qal li kif għamel fuq kwistjonijiet ta’ taxxa, kif ukoll fir-regolament dwar is-settur tal-farmaċewtika, hu se jkompli jissalvagwardja l-interessi u l-kompetittività tan-negozji u l-impjiegi f’Malta u f’Għawdex.

Zammit Dimech temm jgħid li hu kburi li ikkontribwixxa biex issalvagwardja diversi negozji żgħar, kif ukoll biex il-kompetizzjoni tkun waħda ġusta li se twassal għal għażla akbar għall-konsumaturi u deals aħjar meta jsir il-kummerċ online.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'216 Membru minn 28 Stat Membru.