Lejn Direttiva tal-UE dwar miżuri kontra s-SLAPP

11.11.2021 12:32

Lejn Direttiva tal-UE dwar miżuri kontra s-SLAPP

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Vice President Roberta Metsola chairing the plenary session of the European Parliament.
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

L-Ewwel Viċi President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola hija determinata li tissalvagwardja r-raba’ pilastru tad-demokrazija tagħna u ttemm l-abbuż tas-sistemi ġudizzjarji tagħna

Illum, il-Parlament Ewropew approva b’ maġġoranza kbira rapport fuq inizjattiva li tipproponi miżuri ġodda u konkreti biex jipproteġu lill-ġurnalisti minn kawżi abbużivi li jitressqu biex isikktu lill-ġurnalisti.

Dan il-proċess, immexxi mill-Viċi President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola (PPE, Kumitat LIBE) flimkien mal-MEP Tiemo Wölken (S&D, Kumitat JURI), jirrappreżenta rieda politika komuni bejn il-gruppi u bejn il-kumitati fil-Parlament Ewropew, peress li għandu l-għan li jwaqqaf, l-hekk imsejjħa, kawżi SLAPP madwar l-Ewropa.

Il-Viċi President Metsola qalet, "Aħna ninsabu determinati li nwaqqfu l-iSLAPPs u r-rapport tagħna jipprovdi lill-Ewropa bi pjan biex nipproteġu lill-ġurnalisti, nissalvagwardjaw il-libertà tal-espressjoni u nħarsu d-dritt tagħna li nkunu mgħarrfa."

L-ewroparlamentari Metsola żiedet tgħid li dan ir-rapport ġie mħejji wara li għamlet konsultazzjonijiet ma' ġurnalisti u NGOs fost l-oħrajn, li wħud minnhom iffaċċjaw każijiet SLAPP huma stess. “Il-ġurnaliżmu m’għandux jiġi bi twissija ta’ saħħa jew b’riskju ta’ rovina finanzjarja f’idejn il-kriminali. Dawk li jabbużaw mis-sistemi legali tagħna - ħafna drabi permezz ta' forum shopping bejn il-fruntieri - biex jippruvaw isikktu lill-ġurnalisti m'għandhom isibu l-ebda protezzjoni fl-Ewropa tagħna. Dan ir-rapport bejn il-partiti u l-kumitati għandu l-għan li jsaħħaħ l-qafas leġiżlattiv tagħna.” Il-Viċi President Metsola rrimarkat li r-rapport huwa ambizzjuż iżda wkoll legalment realistiku.”

Il-ko-rapporteur tenniet, “Dan ir-rapport huwa għal Daphne Caruana Galizia li nqatlet bi 42 każ pendenti kontriha. Huwa għal kull kamra tal-aħbarijiet, kull ġurnalist, kull blogger u kull NGO li kienu u għadhom qed jiġu mhedda minn ħallelin li għandhom ħafna x'jitilfu. L-Unjoni Ewropea trid tkun post ta' kenn għalihom kollha u rridu niżguraw li ma jkunx hemm post għall-kriminali biex jabbużaw mis-sistemi tagħna u minna nfusna.”

“Il-vot tal-lum fil-plenarja jagħti biżżejjed żmien lill-Kummissjoni biex tikkunsidra u tinkludi r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew fi ħdan il-proposti tagħha kontra l-iSLAPP fil-bidu tas-sena d-dieħla,” qalet il-Viċi President Metsola.

X'inhu propost fir-rapport?

Il-Parlament Ewropew qed isejjaħ għal Direttiva li tkopri kemm każijiet ta’ SLAPP domestiċi kif ukoll f'pajjiżi differenti, fi ħdan il-konfini tal-kompetenzi imniżżla fit-trattati tal-UE.

Ir-rapport jipproponi li għandu jkun hemm:

- Modi legali mgħaġġla biex jitwarrbu l-kawżi SLAPP

- Pieni għal persuni li jabbużaw mis-sistemi legali billi jinbdew kawżi SLAPP

- Għandu jkun hemm fond għall-ġurnalisti biex jiġġieldu l-każijiet SLAPP (anki biex ikopru l-miżati legali)

- Taħriġ għall-ġudikatura u l-avukati biex jidentifikaw każijiet ta' SLAPP

- Inizjattiva biex tappoġġja lill-vittmi ta' SLAPP (anki permezz ta' portal onlajn li jservi ta' one-stop-shop biex jassisti lill-vittmi ta' SLAPP)

- Reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti biex jitnaqqas il-forum shopping jew ‘libel tourism’.

X'inhuma SLAPPs?

SLAPPs (Kawżi Strateġiċi kontra l-Parteċipazzjoni Pubblika) saru fenomenu li dejjem qed jikber madwar l-Ewropa, u li ħafna drabi ikunu mifruxa f'pajjiżi differenti. Huwa rari li dawn il-kawżi jkollhom talba leġittima u peress li huma jkunu mmirati biex jiksbu riżultat ġudizzjarju favorevoli, fil-verita’ jirriżultaw f'abbuż tas-sistemi ġudizzjarji tagħna. L-għan speċifiku tagħhom huwa li jsikktu  billi jissuġġettaw lill-persuna għal kawżi twal, ta’ piż u għaljin, ħafna drabi f’ġurisdizzjoni oħra.

SLAPPs joħolqu żbilanċ bejn il-partijiet u għandhom effett ta’ trażżin tal-libertà tal-espressjoni, li jħallu effett ikrah fuq id-dritt tal-konvenut għal proċess ġust.

X'jmiss issa?

Fl-4 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni pubblika dwar azzjoni tal-UE kontra litigazzjoni abbużiva mmirata lejn ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet. Il-Kummissjoni qed tippjana li tadotta proposta fir-Rebbiegħa tal-2022. Il-pjan tal-Kummissjoni jitkellem dwar l-iżvilupp ta’ “numru ta’ miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi” biex tittratta din il-forma dejjem aktar mifruxa ta’ theddida, li l-ġurnalisti u dawk li jiddefendu d-drittijiet sfaw vittmi tagħha.

Il-Kummissjoni qed tippjana li tippreżenta rakkomandazzjoni li tiffoka aktar fuq t-taħriġ għall-professjonisti li jittrattaw SLAPPs, iżda wkoll fuq l-appoġġ għall-vittmi. Beħsiebha wkoll tiżviluppa abbozz ta' direttiva biex tintervjeni kontra SLAPPs f'sitwazzjonijiet transkonfinali.

Il-perjodu ta’ konsultazzjoni huwa miftuħ sal-10 ta’ Jannar 2022.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'178 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat