Nhar il-Ħamis: l-ewwel ċerimonja tal-Premju għall-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia

11.10.2021 9:23

Nhar il-Ħamis: l-ewwel ċerimonja tal-Premju għall-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Quaestor David Casa MEP addressing an event at the European Parliament in honour of murdered journalist Daphne Caruana Galizia
Traduzzjoni
Select language:

Fl-okkażjoni tar-raba’ sena mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Parlament Ewropew se jkun qed jonora l-ġurnalista Maltija permezz tal-ewwel ċerimonja tal-Premju għall-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia, nhar il-Ħamis 14 ta’ Ottubru 2021. Din se tkun l-ewwel edizzjoni ta’ dan il-premju l-ġdid, li se jingħata lir-rebbieħ/a waqt ċerimonja fis-sala tal-konferenzi tal-aħbarijiet fil-Parlament Ewropew fi Brussell, f’nofsinhar.

Iċ-ċerimonja, li se ssir b’mod hybrid minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19, se tkun indirizzata mill-President tal-Parlament Ewropew David Maria Sassoli. Ir-rebbieħ/a, li ntgħażel/let minn ġurija indipendenti li m’għandha ebda rabta mal-politiċi, se j/tingħata premju monetarju u ieħor ta’ tifkira.

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Malti, David Casa, mexxa ‘l quddiem il-ħolqien ta’ dan il-premju, permezz tar-rwol tiegħu fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Politika għall-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni fil-Bureau tal-Parlament Ewropew. Hu se jattendi ċ-ċerimonja tal-Ħamis flimkien ma’ qraba tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.

“Għalija, permezz ta’ dan il-premju, l-Parlament Ewropew qed jibgħat żewġ messaġġi b’saħħithom. L-ewwel messaġġ hu indirizzat lill-poplu Malti u Għawdxi: il-Parlament Ewropew hu fuq in-naħa tagħkom, u jrid il-ġustizzja fil-każijiet kollha li żvelat Daphne. It-tieni messaġġ hu ndirizzat lill-ġurnalisti kollha fl-Ewropa: il-Parlament Ewropew jagħti valur lill-ġurnaliżmu li hu indispensabbli għad-demokrazija. Aħna qegħdin fuq in-naħa tal-ġurnalisti, nagħtu valur il-libertà tal-midja, u niġġieldu kontra l-kultura ta’ impunità li twassal biex il-ġurnalisti jispiċċaw fil-mira ta’ dawk  in-nies li jkunu se jinkixfu. Din hi wkoll il-missjoni tiegħi bħala rappreżentant elett tal-poplu Malti u Għawdxi,” qal l-MEP Casa.

Il-Premju għall-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia se jingħata kull sena, f’ġurnata viċin is-16 ta’ Ottubru, il-ġurnata li fiha nqatlet Daphne Caruana Galizia.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'179 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat