L-Ewroparlamentari Peter Agius Jorganizza Diskussjoni ta' Livell Għoli Dwar id-Dijabete fil-Parlament Ewropew

12.11.2024 9:54

L-Ewroparlamentari Peter Agius Jorganizza Diskussjoni ta' Livell Għoli Dwar id-Dijabete fil-Parlament Ewropew

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Peter Agius MEP

Il-Membru Parlamentari Ewropew Peter Agius illum ospita diskussjoni ta' livell għoli dwar id-dijabete fil-Parlament Ewropew, li ġabret flimkien esperti, pazjenti, u stakeholders oħra minn Malta u l-Ewropa. Dan l-avveniment, organizzat f'kollaborazzjoni mal-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete, enfasizza l-bżonn ta’ investiment ikbar fl-għarfien, il-prevenzjoni, u l-kura tad-dijabete madwar l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Il-parteċipanti nkludew rappreżentanti mill-Assoċjazzjoni tad-Dijabete Maltija u professjonisti fil-qasam tas-saħħa.

Fid-diskors tal-ftuħ, l-MEP Agius enfasizza dwar l-inċidenza u l-impatt tad-dijabete fuq iċ-ċittadini Ewropej: “Wieħed minn kull għaxar ċittadini jgħixu bid-dijabete. Il-prevenzjoni u l-kura huma kruċjali, peress li l-ġestjoni effettiva tad-dijabete tgħin biex jiġu evitati kundizzjonijiet ta’ saħħa oħrajn li jiswew ħafna flus. Għandna ninkoraġġixxu lill-Istati Membri biex jinvestu bis-sħiħ fl-għarfien, prevenzjoni, u kura tad-dijabete – dan huwa l-uniku approċċ sensibbli peress li jiffranka miljuni fil-perkors tas-saħħa fit-tul. B’din id-diskussjoni fil-Parlament Ewropew, l-għan tiegħi huwa li ngħolli l-profil tad-dijabete fuq l-aġenda politika tal-Unjoni Ewropeja. Dan hu dmirna lejn il-pazjenti tad-dijabete u lejn sistema tas-saħħa aktar effiċjenti.”

Waqt li kien qed jitkellem dwar il-motivazzjoni tiegħu biex jappoġġja r-riforma tal-kura tad-dijabete f'Malta, MEP Agius irrakkonta l-esperjenzi tiegħu u qal: “Sirt avukat għall-pazjenti tad-dijabete meta adulti bid-dijabete f'Malta qaluli, ‘Ħajjitna tista’ tkun aħjar kieku stajna naffordjawha.’ Indunajt li għodda vitali, bħall-Monitoraġġ taz-Zokkor (CGMs), huma limitati għal pazjenti iżgħar fl-età taħt is-sistema nazzjonali tas-saħħa ta’ Malta. Filwaqt li għamilna progress f’dawn l-aħħar snin, għad fadal ħafna xi jsir—ħafna pazjenti adulti bid-dijabete għadhom mhux koperti. Qed nitlob lill-Gvern Malti biex jneħħi d-diskriminazzjoni tal-età kollha u jipprovdi s-CGMs lill-pazjenti kollha, irrispettivament mill-età.”

MEP Agius faħħar l-impenn tal-professjonisti tas-saħħa f'Malta u saħaq fuq l-importanza li jiġu pprovduti bir-riżorsi adegwati. “Nixtieq nirrikonoxxi x-xogħol eċċezzjonali tal-professjonisti tas-saħħa tagħna u nsejjaħ lill-gvern biex jipprovdi r-riżorsi li għandhom bżonn. L-Ewropa tista' tkun sieħba f'din l-inizjattiva. Permezz tal-programm EU4Health, nistgħu niksbu iktar fondi għall-inizjattivi ta' għarfien, prevenzjoni, u kura tad-dijabete madwar l-Istati Membri.”

L-avveniment saħħaħ l-impenn bejniethom tar-rappreżentanti tal-UE, il-fornituri tas-saħħa, u l-vuċijiet tal-pazjenti biex itejbu l-kura tad-dijabete u jeliminaw l-ostakli relatati mal-età, biex jagħmlu r-riżorsi essenzjali aċċessibbli għal kull pazjent.

 

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat