Ir-riforma tal-PAK tinkludi proposti tal-bdiewa Maltin u Għawdxin - Zammit Dimech

11.04.2019 11:56

Ir-riforma tal-PAK tinkludi proposti tal-bdiewa Maltin u Għawdxin - Zammit Dimech

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Francis Zammit Dimech MEP
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Il-Gvern għandu jżomm mal-wegħdiet li għamel mal-pitkala

“Diversi proposti tal-bdiewa Maltin u Għawdxin ġew inklużi fir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), inkluż li jkun hemm finanzjament effiċjenti u li tinqata l-burokrazija. Minn din ir-riforma se jgawdu kemm il-bdiewa kif ukoll il-konsumaturi. Jien qed inwiegħed li nkompli nkun il-vuċi tas-settur agrikolu fil-Parlament Ewropew.” Dan qalu l-MEP Francis Zammit Dimech wara li żar iċ-Ċentru tas-Suq tal-Pitkali f’Ta’ Qali.

Waqt li kien qed jitkellem dwar is-sitwazzjoni fil-Pitkalija, Zammit Dimech irrimarka li l-Gvern għandu jżomm mal-wegħdi li għamel u jinvesti sew fl-infrastruttura taċ-Ċentru tas-Suq tal-Pitkali. Hu qal li l-pitkala ilmentaw dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Per eżempju, t-tinda tmermret minn diversi postijiet, li qed twassal biex jidħol l-ilma fiċ-ċentru li qed jikkaġuna ħsarat fuq il-prodott, kif ukoll kultant qed twassal għal riskji peress li l-ilma jispiċċa fuq il-meters tal-elettriku. Il-pitkala qalu wkoll li ma kienx hemm sistema tajba biex jitkeċċa l-ilma tax-xita li jidħol fiċ-ċentru, minħabba t-tinda li tinsab mikula u li l-Gvern kien wiegħed li se jirranġa u li baqa’ ma rranġax. Waqt iż-żjara, il-pitkala qalu wkoll li qed jiffaċċjaw xenarju fejn min jixtri, qed jonfoq inqas, u li dan qed iħalli impatt fuq il-valur tal-prodott lokali.

Il-pitkala tkellmu wkoll ma’ Zammit Dimech dwar ix-xewqa li jkunu jistgħu jittrasferixxu n-negozju tagħhom lil persuni oħrajn li huma interessati li jidħlu f’dan is-settur ekonomiku, mingħajr ma jkollhom jiffaċċjaw il-limitazzjonijiet attwali li tpoġġew fuqhom. Zammit Dimech irringrazzja lill-pitkala talli laqgħuh u li qasmu l-esperjenzi u l-isfidi tagħhom b’mod onest. Zammit Dimech irringrazzja wkoll lis-Segretarju Parlamentari għall-Biedja Clint Camilleri li għamel iż-żjara possibbli.

Zammit Dimech qal li hu qed jagħti attenzjoni lill-agrikoltura minkejja li la hu u l-ebda MEP ieħor ma hu membru tal-Kumitat għall-Biedja. Fil-fatt, anke jekk Zammit Dimech bilkemm ilu sentejn fil-Parlament Ewropew, f’Marzu 2018 hu organizza proċess ta’ konsultazzjoni mal-bdiewa u ressaq proposti fir-rapport tal-Kumitat dwar il-Biedja fuq il-futur tal-ikel u l-biedja, li wasslu biex ġew preżentati proposti għar-riforma tal-PAK.

Fil-proposti tiegħu, Zammit Dimech kien ippropona li tingħata attenzjoni speċjali għall-bdiewa li jiffaċċjaw sfidi akbar minħabba l-limitazzjonijiet speċifiċi marbuta ma’ żoni bħal gżejjer u reġjuni imbegħda, biex dawn ikunu jistgħu iżommu l-attività tal-biedja għaddejja. Il-bdiewa kienu esprimew ukoll id-diżappunt tagħhom dwar id-dewmien fil-pagamenti mill-Gvern, meta huma jkunu kkwalifikaw għal fondi Ewropej. Dwar dan, Zammit Dimech kien ippropona li l-PAK il-ġdida tippermetti li l-finanzjament ikun aktar malajr, aktar ġust u effiċjenti. Minħabba l-fatt li bdiewa żgħażagħ kienu qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex jaċċessaw l-art, Zammit Dimech ippropona inizjattivi li jappoġġjaw lil dawn il-bdiewa biex ikollhom aċċess għall-art. Zammit Dimech, eks Ministru tal-Ambjent, tkellem ukoll dwar il-bżonn li l-art li tinħarat tkun protetta mill-iżvilupp. Fil-proposti tiegħu, hu kien insista dwar il-bżonn li l-bdiewa jingħataw kumpens xieraq għal dak li jipproduċu, u biex ikun hemm kundizzjonijiet ugwali għall-bdiewa kollha, inkluż dawn minn familji żgħar. Zammit Dimech enfażizza li biex nassiguraw prezzijiet affordabbli għaċ-ċittadini u l-konsumaturi u biex inkomplu nippromowvu dieta b’saħħitha, hu kruċjali li l-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel tkun imsaħħa.

Zammit Dimech qal li l-Grupp tal-PPE, li hu d-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista tifforma parti minnu, assigura riforma tal-PAK li tinkludi bosta minn dawn il-proposti. L-aktar bidliet ewlenin se jwasslu biex l-immaniġġjar tas-sussidji tal-PAK ma jibqax isir fi Brussell, imma mill-Gvernijiet nazzjonali, u b’hekk jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-bdiewa u l-gvernijiet. Ir-riforma se twassal ukoll għall-immaniġġjar aħjar tal-produzzjoni mill-irziezet biex tistabbilizza l-provvisti u l-prezzijiet għall-benefiċċju ta’ min jixtri. Ir-riforma tagħti wkoll importanza biex jissaħħaħ l-impatt tal-biedja fuq l-ambjent.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'217 Membru minn 28 Stat Membru.