L-istituzzjonijiet iridu jipproteġu lin-nies u mhux lil dawk li tradewhom – David Casa

30.03.2023 11:12

L-istituzzjonijiet iridu jipproteġu lin-nies u mhux lil dawk li tradewhom – David Casa

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

MEP David Casa addressing the hemicycle
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Waqt li kien qed jindirizza s-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, l-MEP David Casa ddefenda lill-Maltin kontra l-ħnieżrijiet li qed isiru minn fuq dahar il-Maltin u li għalihom il-ġustizzja qiegħda kontinwament tiġi miċħuda.

Huwa qal li l-ħatfa tal-Istat mill-Gvern Laburista qed issir “Sabiex jiġu pprotetti n-nies fil-poter; u biex dawk li suppost qiegħdin hemm biex iservu lin-nies ikun jistgħu jitħanżru minn fuq dahar il-poplu.”

Casa wissa li t-theddida għas-saltna tad-dritt qiegħda tkompli sejra għall-agħar, b’sitwazzjoni diżastruża ta’ prosekuzzjonijiet vojta u rata ineżistenti għall-kundanni kontra il-korruzzjoni u kontra uffiċjali politiċi ta’ livell għoli u korrotti. Huwa kkritika “l-investigazzjonijiet li ma jispiċċaw qatt, il-prosekuzzjonijiet li ma jistgħux jirnexxu minħabba inkompetenza grassa u inkompetenza intenzjonata”.

Il-ġustizzja selettiva mhix ġustizzja, sostna Casa, filwaqt li ddeskriva l-baħar jaqsam bejn l-azzjonijiet li ttieħdu kontra l-korrotti u l-azzjonijiet meħuda kontra min jikxifhom. Huwa kkundanna l-azzjoni malajr li ttieħdet fil-konfront ta’ Mark Camilleri b’kuntrast mal-impunità mogħtija lil Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech fl-istess każ.

“Meta tesponi l-korruzzjoni, l-investigazzjonijiet kontrik jikkonkludu malajr. Dan ifisser li meta tikxef il-korruzzjoni, fl-aħħar tara ma’ wiċċek proċeduri kriminali.”

Huwa talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel dmirha u tappoġġja s-saltna tad-dritt, “biex tassigura li l-istituzzjonijiet jipproteġu lill-Maltin, mhux lil dawk li ttradewhom. Biex tmexxi kontra l-korrotti, mhux tmexxi kontra dawk li jikxfuhom.”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'176 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat