Approvata! Il-Premju għall-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia jsir realtà

05.10.2020 17:58

Approvata! Il-Premju għall-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia jsir realtà

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Quaestor David Casa MEP
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

L-MEP David Casa mexxa ‘l quddiem dan il-premju fil-Bureau tal-Parlament

Issa uffiċjali: minn Ottubru 2021, il-Parlament Ewropew se jibda jagħti l-Premju għall-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia b’mod regolari kull sena. Dan il-Premju l-ġdid ġie approvat mill-Bureau tal-Parlament Ewropew wara ħidma intensiva mill-Membru Malti tal-Parlament Ewropew David Casa fi ħdan it-tmexxija tal-Parlament. Fil-fatt, David Casa mexxa ‘l quddiem dan il-premju kemm fil-laqgħat tat-tmexxija tal-Parlament, kif ukoll waqt il-laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Parlament għall-Komunikazzjoni.

“Din hi ġurnata speċjali għall-Parlament Ewropew, għall-ġurnalisti kollha, u għall-poplu Malti u Għawdxi. Il-legat tal-ġurnalista investigattiva Maltija Daphne Caruana Galizia se jibqa’ ħaj, u se tibqa’ mfakkra kull sena waqt iċ-ċerimonja ta’ dan il-Premju għall-Ġurnaliżmu. Dan ix-xahar, se jkunu għaddew 36 xahar minn meta nqatlet Daphne Caruana Galizia. Minkejja dan, il-preżenza tagħha, l-istejjer tagħha u l-legat tagħha, għadhom ħajjin, f’Malta, f’Għawdex, u anke fil-Parlament Ewropew,” qal David Casa.

David Casa mhux biss ħadem biex jassigura li dan il-premju jkun approvat mill-Plenarja tal-Parlament fl-2017 u l-2019, iżda kien il-mutur waqt in-negozjati bejn it-tmexxija tal-Parlament u l-gruppi politiċi fi ħdan il-Bureau. Hu ħadem id f’id mal-President tal-Parlament David Sassoli kif ukoll mal-Viċi Presidenti, biex flimkien fasslu r-regoli ta’ dan il-premju li se jassigura trasparenza u kontabbiltà.

Dan il-Premju se jirrikonoxxi ġurnaliżmu ta’ kwalità li jkun ibbażat fuq il-prinċipji u l-valuri tal-Unjoni Ewropea. Il-premju se jingħata għal kitbiet jew produzzjonijiet marbuta mal-valuri Ewropej, li jkunu riżultat ta' ġurnaliżmu fid-dettall minn ġurnalisti jew timijiet ta’ ġurnalisti professjonali. Id-data ta’ meta se jibda jingħata dan il-premju se tkun madwar is-16 ta’ Ottubru, bħala simbolu tad-data ta’ meta nqatlet Daphne Caruana Galizia.

Il-Parlament Ewropew hu l-uniku istituzzjoni li jonora lil Daphne Caruana Galizia għall-ħidma investigattiva tagħha. Minbarra l-Premju għall-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia, ftit jiem wara l-assassinju fl-2017, il-Parlament Ewropew semma l-kamra tal-konferenzi tal-aħbarijiet fi Strasburgu ‘Is-Sala Daphne Caruana Galizia’, fejn isiru konferenzi tal-aħbarijiet kuljum waqt is-Sessjoni Plenarja fi Strasburgu.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'187 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat