Għażel pajjiż
Agħżel il-pajjiż tiegħek biex issegwi l-aħbarijiet mill-MPE lokali tiegħek:
Il-pajjiżi ta' hawn taħt ma jippubblikawx kontenut bil-lingwa tiegħek. Agħżel il-pajjiż jekk trid issegwi aħbarijiet bl-Ingliż jew bil-lingwa(i) nazzjonali tagħhom:
X'qed tfittex?
21.11.2024 15:04
Il-Gvern Malti għandu jipproteġi ġurnalisti Maltin kontra l-iSLAPPs domestiċi - Panel tal-EPP
Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Waqt Roundtable tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (EPP) fil-Belt Valletta, l-MEP u Kap tad-Delegazzjoni Maltija, David Casa sejjaħ lill-Gvern Malti biex "jittrasponi kif jixraq il-Liġi msejħa “Daphne’s Law” biex joffri l-istess protezzjoni lill-ġurnalisti Maltin kontra azzjonijiet ġudizzjarji SLAPP domestiċi bħall m’għandhom ġurnalisti barranin".
L-avveniment, organizzata mill-Grupp tal-EPP, laqgħet parlamentari Ewropej u Maltin kif ukoll ġurnalisti biex jiddiskutu t-triq 'il quddiem għal-Libertà tal-Media Ewropea.
Casa spjega l-kisbiet tal-EPP favur il-libertà tal-istampa fl-aħħar mandat tal-Parlament Ewropew, inkluż il-kisba tad-direttiva kontra l-iSLAPPs - msejjħa "Daphne’s Law" - u t-tmexxija fin-negozjati dwar l-Att tal-Libertà tal-Media Ewropea li jsaħħaħ l-indipendenza editorjali u finanzjarja tal-aġenziji tal-aħbarijiet.
Il-MP tal-PN u Shadow Minister tax-Xandir Pubbliku u Amministrazzjoni Pubblika Claudette Buttigieg, tkellmet dwar l-isfida kontinwa tal-Partit Nazzjonalista fil-konfront tat-trasposizzjoni dgħajfa mill-Gvern ta’ Daphne’s Law bħala "waħda mill-ġliediet l-aktar importanti tagħna", diskritta bħala "box-ticking exercise" li ma jipproteġix effettivament lill-ġurnalisti.
Il-ġurnalisti fil-panel laqgħu l-leġiżlazzjoni Ewropea bħala "aħbar tajba għall-ġurnalisti u l-ġurnaliżmu", u ġibdu l-attenzjoni li l-pass li jmiss hu l-implimentazzjoni.
Bl-istess mod, Casa enfasizza l-importanza li l-implimentazzjoni ta' dawk il-liġijiet tissaħħaħ, innota li t-trasposizzjoni tal-Gvern tal-Liġi ta' Daphne injurat rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni kruċjali li għandha sservi biex tipproteġi lill-ġurnalisti Maltin kontra litigazzjoni abbużiva domestika. Il-parteċipanti esprimew tħassib għas-sitwazzjoni li qed tiddeterjora, b’referenza għal-libertà tal-midja u s-saltna tad-dritt f'Malta, li rriflettu kummenti minn MEPs oħra f'dibattitu fil-plenarja fi Strasburgu f’Ottubru li għadda.
Fil-fatt, il-parteċipanti wissew dwar attentati li jerġa’ jiġi introdott il-libell kriminali, il-proċeduri drakoniċi u arbitrarji li għadhom ifixklu l-aċċess għall-informazzjoni, u attentati inkwetanti fil-qorti biex il-ġurnalisti u l-attivisti jiżvelaw is-sorsi tagħhom.
Il-futur tal-ġurnaliżmu f'Malta jiddependi fuq id-dritt tal-ġurnalisti biex jirregolaw l-industrija tagħhom stess, biex ikollhom allokazzjoni prevedibbli u trasparenti ta' dħul mir-riklemar mill-istat, u biex l-aċċess għall-informazzjoni jittejjeb b'mod qawwi.
Min-naħa tagħhom, il-politiċi tan-PN reġgħu rrimarkaw l-impenn tagħhom biex itejbu s-sitwazzjoni tal-midja lokalment u f'livell Ewropew, u biex ikomplu jkollhom konsultazzjonijiet ġenwini ma' korpi tal-ġurnaliżmu.
Viċi-Presidenti tal-Grupp EPP Željana Zovko (MEP, Kroazja) u Andzrej Halicki (MEP, Polonja), l-MEP Peter Agius, l-Onor. Claudette Buttigieg, President tal-IGM Matthew Xuereb u Uffiċjal Eżekuttiv tar-Repubblika Manuel Delia pparteċipaw fl-avveniment, kif ukoll rappreżentanti tal-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia, l-Ex-Kap tal-PN u Segretarju Ġenerali tal-Grupp tal-EPP, Simon Busuttil u diversi membri ta' organizzazzjonijiet differenti tal-PN.
Nota lill-edituri
Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.
Kap tad-Delegazzjoni
Kap tal-Unità tal-Istampa Nazzjonali Uffiċjal tal-Istampa għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa Stampa Nazzjonali, il-Midja Portugiża
6 / 50