Ġurnalisti fil-periklu ta’ tpattija talli jżommu lill-kriminali responsabbli, iwissi Casa

12.02.2025 14:27

Ġurnalisti fil-periklu ta’ tpattija talli jżommu lill-kriminali responsabbli, iwissi Casa

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Quaestor David Casa addressing an event honouring Daphne Caruana Galizia at the European Parliament
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

F’diskors fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, l-MEP u l-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista David Casa wissa li l-kundizzjonijiet għall-vjolenza kontra l-ġurnalisti u l-attivisti għadhom preżenti fil-kuntest tal-erożjoni tal-istat tad-dritt u n-nuqqas min-naħa tal-Unjoni Ewropea li taġixxi b’mod deċiżiv.

“Il-vjolenza kontra l-ġurnalisti mhijiex aċċident. Meta hemm min jemmen li jista’ joqtol ġurnalist b’impunità, tfisser li l-kriminali jaraw sistema korrotta li tiggarantixxi l-impunità tagħhom. Dik is-sistema għadha mhux indirizzata,” wissa Casa.

Fid-dibattitu li fakkar lill-mibki ġurnalist Slovakk Jan Kuciak, Casa għamel l-intervent tiegħu wara żieda fit-tattiċi intimidanti f’Malta li jirrepetu intimidazzjoni simili li sofriet Daphne Caruana Galizia qabel l-assassinju tagħha. Kuciak inqatel flimkien mal-għarusa tiegħu, Martina Kušnírová, f’każ li xokkja lis-Slovakkja u li kixef ir-riskji fatali li jiffaċċjaw il-ġurnalisti investigattivi.

Casa enfasizza li reati bħal dawn mhumiex inċidenti iżolati iżda pjuttost sintomi ta’ falliment sistemiku aktar profond. Dak in-nuqqas kompla hekk kif Yorgen Fenech ingħata l-libertà proviżorja, filwaqt li Robert Abela wiegħed li jxekkel l-aċċess għall-ġustizzja u jikkonsolida l-kontroll tal-gvern fuq investigazzjonijiet kontra l-korruzzjoni.

"Min jgħid il-verità qiegħed jitħalla waħdu, mhux biss mingħajr il-protezzjoni tal-istat, imma saħansitra bil-makkinarju tal-gvern kontrihom.”

Casa diġà ċanfar lill-Gvern Malti talli hedded li jdgħajjef l-aċċess għall-ġustizzja, b’mod simili għat-tħassib mis-soċjetà ċivili li qalet li l-mossi ta’ Abela se jsaħħu l-impunità billi jeliminaw l-aħħar miżura effettiva kontra l-korruzzjoni pubblika.

Dwar ir-rispons kajman tal-UE, Casa qal li “mhux biżżejjed li l-Kummissjoni tesprimi xokk u tosserva l-iżviluppi fis-silenzju. L-elettorat tagħna qiegħed jistenna azzjoni mill-Kummissjoni, biex tinforza l-obbligi tal-Istati Membri skont it-trattati. Minflok għadhom jeżistu kundizzjonijiet perikolużi, kundizzjonijiet li jwittu t-triq għal każ ieħor ta’ vjolenza.”

“Is-saltna tad-dritt hija fundamentali, u wasal iż-żmien li tibda tingħata l-prijorità meħtieġa bl-għodda kollha li għandha l-Kummissjoni.,” temm jgħid l-MEP.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat