David Casa: Ġurnalista Torka li ġiet arrestata talli allegatament insultat lil Erdoğan għanda tinħeles

28.01.2022 13:03

David Casa: Ġurnalista Torka li ġiet arrestata talli allegatament insultat lil Erdoğan għanda tinħeles

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Video picture
Traduzzjoni
Select language:

David Casa talab il-ħelsien mill-arrest ta’ Sedef Kabaş, ġurnalista fit-Turkija li qed tinżamm arrestata wara li ppubblikat qawl li kien ġie meqjus bħala insult lill-President Recep Tayyip Erdoğan.

Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Media tal-Parlament Ewropew, li Casa huwa Ko-President tiegħu, ħareġ stqarrija tikkundanna l-arrest.

Casa kkwota mill-istqarrija, u nnota li “l-episodju huwa sintomatiku tan-nuqqas ta’ sigurtà lejn l-istampa mill-istat, liema stat għandu d-dmir li, minflok, jipproteġi l-libertà tal-espressjoni.”

"L-arrest huwa xokkanti daqs kemm huma xokkanti ċ-ċirkostanzi ta’ madwaru," qal Casa. “Iktar tard Sedef ppubblikat fuq twitter il-qawl, u issa qed taffaċċja miżuri sproporzjonati, li bla dubju huma maħsuba biex jintimidawha.

Casa wiegħed li l-Parlament Ewropew se jkompli jservi ta’ tarka għal-libertà tal-istampa fl-Ewropa, u ser ikompli jżid il-pressjoni biex jappoġġja lil Kabaş u lill-kollegi tagħha.

"Dan hu żvilupp perikoluż ieħor għal-libertà tal-istampa fit-Turkija, li qed jibgħat messaġġ ta' biża' għall-ġurnalisti l-oħra."

Dan il-qawl magħruf, ġie tradott hekk; “Meta l-barri jidħol fil-palazz, ma jsirx sultan. Imma l-palazz isir maqjel.”

Wara li ppubblikat dan il-qawl bħala tweet, il-pulizija arrestat lil Kabaş fid-dar tagħha stess fis-2am u żammewha arrestata sakemm titressaq il-qorti.

F'intervista nhar l-Erbgħa li għaddiet, Erdoğan wiegħed li "r-reat mhux se jibqa' għaddej mingħajr kastig." Aktar tard, il-kont ta’ twitter ta’ Kabaş poġġa stqarrija fejn allega li l-ordnijiet għall-arrest u l-priġunerija tagħha ġew “minn fuq nett.”

Casa esprima x-xokk tiegħu għaċ-ċirkostanzi tal-każ ta’ Sedef. "Huwa każ klassiku ta' intimidazzjoni mill-istat."

L-istqarrija tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Midja “enfasizzat id-dritt fundamentali tal-espressjoni ħielsa taċ-ċittadini tat-Turkija, speċjalment il-ġurnalisti, li huma kontinwament taħt pressjoni fil-qadi ta’ dmirijiethom.

"Il-libertà tas-soċjetajiet hija mkejla, b’mod partikolari, mil-libertajiet tal-kittieba tagħha."

Fi tmien snin ġew ippreżentati aktar minn 35,000 każ dwar insulti kontra l-president.

Bħala Ko-President tal-Grupp ta' Ħidma tal-Midja u membru sħiħ tal-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Turkija, David Casa dejjem insista b’mod voċiferu favur il-libertà tal-istampa fit-Turkija. Fl-2019, għamel kampanja b'suċċess għal Pelin Ünker, ġurnalista Torka li ffaċċjat 13-il xahar ħabs għar-rappurtaġġ dwar il-Panama Papers.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'177 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat