Il-Baġit huwa diżappunt kbir għall-ħaddiema, ġenituri u carers - Casa

25.10.2022 16:16

Il-Baġit huwa diżappunt kbir għall-ħaddiema, ġenituri u carers - Casa

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

David Casa
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

“Għall-korruzzjoni, il-Gvern Laburista dejjem sab il-miljuni, imma għall-familji, ġenituri, ħaddiema, carers u l-SMEs, l-gvern għażel li jixxaħħaħ,” qal l-ewroparlamentari David Casa b’reazzjoni għall-baġit imħabbar ilbieraħ.

David Casa kien l-ewroparlamentari li nnegozja d-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja x-Xogħol f’isem il-Parlament Ewropew mal-gvernijiet kollha tal-Unjoni Ewropea. Din id-direttiva daħħlet fis-seħħ f’Awwissu li għadda però l-Gvern Laburista għazel li jdaħħal biss il-minimu li seta jdaħħal bħala drittijiet lill-ġenituri, ħaddiema u lill-carers.  

“Huwa diżappuntanti tara lill-gvern Laburista jagħżel li jdaħħal biss il-minimu stabbilit minn din id-direttiva meta din id-direttiva ħeġġitu biex idaħħal ħafna aktar benefiċċji għall-ġenituri ħaddiema u lill-carers. Il-ftit drittijiet li l-Gvern Malti implimenta kienu dawk li d-direttiva tal-UE obbligatu jdaħħalhom.

“Sfortunatament, din hija opportunità oħra mitlufa min-naħa tal-Gvern Malti,” insista Casa.

Din id-direttiva, minna nnifisha, hija pass kbir ‘il quddiem għall-ħafna familji ewropej imma b’mod speċjali għall-familji Maltin u Għawdxin. 

“Id-drittijiet tal-ġenituri Maltin u Għawdxin ilhom wisq baxxi meta mqabblin ma’ dawk tal-bqija tal-Ewropa. Il-Gvern għażel li ma jinvestix iktar fil-familji u llum huwa aktar diżappuntanti li l-baġit ma ntużax bħala opportunità biex dawn l-iżbalji jittranġaw,” qal Casa.

B’kuntrast ma’ dan l-aġir tal-gvern, il-Partit Nazzjonalista sema’ dak li kellhom xi jgħidu l-istakeholders f’konsultazzjoni u se jkun qed jipproponi emendi biex jikkoreġihom. Għaliex il-Partit Nazzjonalista verament jemmen li jrid jinvesti fil-familji u li rridu nnaqqsu l-iżbilanċ fis-salarji tal-irġiel u n-nisa, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ aċċess għas-suq tal-impjiegi, kif ukoll fil-pensjonijiet.

“Għall-korruzzjoni bħal Stewards, lis-Socar u l-garanziji bankarji li ma jispiċċaw qatt, il-Gvern dejjem sab il-miljuni. Imma lill-missirijiet, malli titwildilhom tarbija, ma kienx kapaċi jżidilhom imqar ġurnata oħra ma’ dak li nnegozjana aħna l-ewroparlamentari.  

“Ma sabx flus għall-ħaddiema biex jagħmlu ħamest ijiem m’ommhom, missierhom, marthom jew uliedhom meta jkunu morda. Il-gvern qed jibgħatilhom messaġġ: ħudu l-ħamest ijiem leave tal-carers li tagħtikom id-direttiva, imma ħuduhom minn butkom,” tenna Casa.

Minflok jinvesti fil-familji tiegħu, il-Gvern irid ipoġġi l-piż fuq l-SMEs.

“Dan hu l-istess gvern li jippretendi li għandu ruħ soċjali,” temm jgħid Casa.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'177 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat