"Għandhom jingħalqu l-lakuni, li l-kriminalità organizzata qed tuża biex iċċaqalqu l-flus maħmuġin" - David Casa

08.10.2020 11:56

"Għandhom jingħalqu l-lakuni, li l-kriminalità organizzata qed tuża biex iċċaqalqu l-flus maħmuġin" - David Casa

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Quaestor David Casa MEP
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

“Il-FinCen Leaks jipprovdu stampa ċara ta' kif l-organizzazzjonijiet kriminali qed iċċaqalqu l-flus fil-banek tagħna. Dawn il-leaks jitfgħu dawl fuq il-vulnerabbiltajiet regolatorji u x'għandu jsir biex jiġu indirizzati", qal David Casa, ir-rapporteur permanenti tal-PPE dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji.

Casa indirizza dibattitu fil-Parlament Ewropew fi Brussell dwar il-leaks tal-FinCen. Dan l-aħħar ħarġu fil-pubbliku 2,500 dokument li juru kif is-suspett ta’ ħasil tal-flus huwa rrappurtat mill-banek lill-awtoritajiet superviżorji.

“Dak li qed naraw huwa l-prattika, li kull ma jgħaddi żmien, dejjem qed tiżdied ta' ċerti banek li jippreżentaw ammonti kbar ta' rapporti ta' transazzjonijiet suspettużi lill-FIUs. Dawn in-numri kbar għandhom impatt fuq il-kapaċità tal-awtoritajiet li jinvestigaw b'mod effettiv. Il-banek imbagħad ikomplu jippermettu każijiet ovvji ta' tranżazzjonijiet li jibbenefikaw lill-organizzazzjonijiet kriminali biex imexxu f’xogħolom.

Is-sistema hija difettuża u trid tiġi indirizzata. L-għan tagħna mhuwiex li noħolqu spejjeż amministrattivi żejda. U ċertament mhux biex nagħmluha impossibbli li wieħed jopera negozju onest. L-għan tagħna huwa li nidentifikaw kif il-kriminali jaħslu l-flus tagħhom, inwaqqfu dan kollu u nġibuhom quddiem il-ġustizzja”.

Casa tenna t-talba tiegħu għal Regolament Uniku tal-UE dwar l-AML li tista' wkoll tindirizza dawn il-prattiki. "Għandu jiġi propost Regolament AML ġdid kemm jista' jkun malajr".

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'187 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat