Għażel pajjiż
Agħżel il-pajjiż tiegħek biex issegwi l-aħbarijiet mill-MPE lokali tiegħek:
Il-pajjiżi ta' hawn taħt ma jippubblikawx kontenut bil-lingwa tiegħek. Agħżel il-pajjiż jekk trid issegwi aħbarijiet bl-Ingliż jew bil-lingwa(i) nazzjonali tagħhom:
Il-Lingwa magħżula: Malti
X'qed tfittex?
20.10.2018 11:15
Għawdex jikber bħala Reġjun: Saħħa, Trasport, Fondi Ewropej
Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Il-prijoritajiet u l-isfidi tal-Għawdxin tpoġġew taħt il-lenti waqt konferenza annwali li ġiet organizzata mill-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola. Il-konferenza bit-tema ‘Għawdex jikber bħala Reġjun: Saħħa, Trasport, Fondi Ewropej’ saret f’Għawdex u ġiet indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, mill-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola, mid-deputati Għawdxin u diversi rappreżentanti ta’ għaqdiet u NGOs f’Għawdex.
Fid-diskors tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li d-diffikultajiet li l-Għawdxin għaddejjin minhom minħabba n-nuqqasijiet tal-Gvern jeħtieġ li jiġu indirizzati. Hu tkellem dwar diversi esperjenzi li ltaqa’ magħhom u ddiskuta mal-Għawdxin. Qal li fejn jidħlu l-impjiegi ltaqa’ ma’ żewġ żgħażagħ gradwati li tkellmu miegħu dwar il-problemi f’Għawdex. Wieħed minnhom qallu li hu qed jaħdem Malta iżda parti sostanzjali mill-paga qed tittiekel minħabba l-ispejjeż marbuta biex jgħix Malta, filwaqt li ieħor qallu li qed jaħdem f’Għawdex imma f’impjieg ferm anqas mill-livell li grawda fih u b’paga inqas imqabbel ma’ ħaddiem f’Malta. Adrian Delia qal li din is-sitwazzjoni hi inġusta mal-Għawdxin. L-Għawdxin mhux qed jingħataw għażla fejn jidħol ix-xogħol.
Hu qal li din il-ġimgħa l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern irid jibda jaħdem fuq id-drittijiet tar-robots. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li qabel xejn irridu nitkellmu dwar id-drittijiet tal-ħaddiema, tal-Għawdxin, ta’ min qed ifittex xogħol u ta’ min irid jitħarreġ. Dawn huma nies tad-demm u l-laħam li qed iweġġgħu. Hu qal li l-Gvern, sfortunatament iddeċieda li jabbanduna diversi setturi fosthom il-biedja. Fakkar li fil-lista ta’ toroq li l-Gvern qal li se jsiru, Għawdex mhux inkluż – lanqas triq waħda. Fis-saħħa, kellu jkun il-Partit Nazzjonalista li jmur il-Qorti biex il-frakas li l-Gvern qed jagħmel fis-saħħa jitwaqqaf. Adrian Delia qal li Għawdex mhux fuq l-aġenda tal-Gvern u għalhekk qed ibatu l-Għawdxin. Hu żied li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jaħdem għal Għawdex, għaliex l-Għawdxin huma ta’ prijorita’ l-ħin kollu u dejjem.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia faħħar lil Roberta Metsola għal ħidma tagħha b’kuntatt kontinwu man-nies. Hu qal li Roberta Metsola għandha l-kapaċità li tisma, tifhem, twassal u taġixxi fuq dak li jħossu n-nies.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola, fid-diskors tagħha, qalet li waqt li bħalissa qed jiġi negozjat il-budget finanzjarju li jmiss tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern għandu jassigura li jġib l-akbar ammont ta’ fondi possibbli għal pajjiżna kif għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti. Barraminhekk l-istatus speċjali għal Għawdex li nnegozja Gvern Nazzjonalista jrid jissarraf f’aktar fondi biex isiru inizjattivi u proġetti f’Għawdex li joħolqu aktar impjiegi u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin.
Roberta Metsola, fid-diskors tagħha, qalet li bħala parti mill-ħidma tagħha u bi tħejjija għall-budget tal-Unoni Ewropea, qed tiltaqa’ ma’ Kummissarji Ewropej biex tiddiskuti l-prijoritajiet tal-poplu Malti u Għawdxi, “Fost l-oħrajn iltqajt mal-Kummissarju responsabbli mill-edukazzjoni. Id-determinazzjoni tiegħi hi li nara aktar studenti u żgħażagħ jistudjaw u jkollhom opportunitajiet ta’ studji barra minn pajjiżna. B’hekk dawn l-esperjenzi ta’ studji jgħinu liż-żgħażagħ jiġu lura f’Għawdex b’aktar ideat. Għalhekk insistejt għal aktar fondi għall-programmi edukattivi. Iltqajt ukoll mal-Kummissarju responsabbli mill-biedja. Dan hu qasam importanti għal Għawdex. L-investiment fil-biedja għandu valur għaliex joħloq l-impjiegi, jgħajjex familji, itejjeb l-ambjent u l-konsumaturi jgawdu mis-serħan tal-moħħ ta’ prodotti ġenwini u tajbin għal saħħithom. Iddiskutejt kif il-ħtiġiet tal-Għawdxin huma partikoli u jeħtieġu jiġu indirizzati b’mod differenti minn dawk ta’ pajjiżi oħra.” Hi qalet li Gvernijiet Nazzjonalisti wettqu diversi proġetti, skemi minn fondi Ewropej li bihom gawdew l-Għawdxin. Hi sellmet lil Anton Tabone u Giovanna Debono li servew lil Għawdex tal-ħidma tagħhom u l-enerġija kollha tagħhom li taw għal Għawdex u pajjiżna. Sfortunatament il-proġetti f’Għawdex illum ixxuttaw.
Roberta Metsola qalet li jeħtieġ li tittieħed azzjoni urġenti mill-Gvern f’Għawdex fejn hawn nuqqasijiet li qed jikkawżaw tbatijiet għal Għawdxin. Fost dawn hi semmiet li jiddaħħal ir-raba’ vapur tal-Gozo Channel, il-ħtieġa li jibda fast ferry service, isir investiment fit-teknoloġija tal-informatika u f’fibre optic cable, isiru skemi ta’ taħriġ u inċentivi fiskali għal min irid jinvesti jew għandu xi idea xi jwettaq u jsir investiment fit-turiżmu fosthom bi breakwater f’Marsalforn. Hi qalet li s-servizzi tas-saħħa saru problema kbira. L-Għawdxin tilfu s-serħan tal-moħħ li kellhom. Dan sar b’kapriċċ tal-Gvern Laburista, b’detriment għal Għawdxin.
Din hi r-raba’ konferenza nazzjonali annwali li saret f’pajiżna mill-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola bħala parti mill-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew.
Għal ritratti u filmati tal-konferenza, tista' tidħol fuq il-paġna ta' Facebook tal-MEP Roberta Metsola.
Nota lill-edituri
Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'219 Membru minn 28 Stat Membru.
Matthew BONETT
eks impjegat
6 / 50