“Għadu ma sarx biżżejjed biex tiġi evitata traġedja oħra bħal dik ta’ Jean Paul Sofia” - Isabelle Bonnici waqt diskussjoni fil-Parlament Ewropew organizzata mill-MEP Peter Agius

11.12.2024 16:04

“Għadu ma sarx biżżejjed biex tiġi evitata traġedja oħra bħal dik ta’ Jean Paul Sofia” - Isabelle Bonnici waqt diskussjoni fil-Parlament Ewropew organizzata mill-MEP Peter Agius

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Peter Agius MEP

Illum waqt laqgħa ta’ diskussjoni bit-titlu "Ġustizzja għall-Vittmi tal-Kostruzzjoni f'Malta" li saret fil-Parlament Ewropew, il-Membru Parlamentari Ewropew Peter Agius (EPP, MT) ħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali biex jindirizzaw in-nuqqasijiet regolatorji sistematiċi fis-settur tal-kostruzzjoni li għadhom qed ipoġġu l-ħajjiet f’riskju. Ibbażat fuq dan li nstab u rrakkomandat fl-inkjesta Sofia, Dr. Agius talab għal riformi b’saħħithom u fl-istess waqt responsabbli biex tiġi żgurata l-ġustizzja għall-vittmi kwalunkwe u jiġu evitati iktar traġedji.

L-inkjesta Sofia sabet aktar minn 40 miżura kritika u meħtieġa, inkluż superviżjoni aktar stretta, eliminazzjoni ta’ permessi fast-track, u jkunu mandatorji r-rapporti ġeoloġiċi u ta’ sigurtà meta jsir xogħol ta’ skavar. Agius ikkritika r-rispons reattiv tal-gvern, u qal, "Ma tagħmilx sens li jkollok il-leġiżlazzjoni mingħajr infurzar. Aħna obbligati lejn il-vittmi u l-familji tagħhom biex niżguraw li l-liġijiet jiġu applikati b’serjetà"

Isabelle Bonnici, omm Jean Paul Sofia, esprimiet l-istess sentiment, u qalet, " F’Malta għandna kultura ta’ bullies u cowboys f’dan is-settur, u jippruvaw iwaqqfu lil dawk li jipprotestaw biex ma jħalluhomx ikomplu jikkawżaw ħsara."

Indirizza lil dawk preżenti id-Direttur Ġenerali tal-Federazzjoni Ewropea tal-Industrija tal-Kostruzzjoni (FIEC), Domenico Campogrande, li kkonferma li hemm qafas leġiżlattiv wiesa’ li għandu jiġi implimentat u infurzat kif suppost. “Dejjem għandhom jidħlu fis-seħħ numru ta’ kontrolli adegwati u effiċjenti li jkunu segwiti  b’sanzjonijiet xierqa f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità,” qal is-Sur Campogrande.

Id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia ipparteċipa wkoll fid-diskussjoni u wissa dwar il-konsegwenzi serji jekk ma jittieħdux azzjonijiet deċiżivi: “Jekk ma jkollniex ir-rieda u l-kuraġġ biex nindirizzaw din il-problema minn għeruqha, nibża’ li l-istorja se tirrepeti ruħha.”

Patricia Perez Gomez mill-Kummissjoni Ewropea tkellmet dwar ir-regoli tal-Unjoni Ewropeja dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Filwaqt li saħqet li r-regoli stabbiliti mhux se jwasslu għar-riżultati mixtieqa mingħajr infurzar xieraq, enfasizzat li l-implimentazzjoni tagħhom tibqa’ responsabbiltà tal-Istati Membri.

L-MEP Peter Agius temm l-intervent tiegħu b’sejħa għall-azzjoni u appell lill-Kummissjoni Ewropeja  biex ikun ta’ superviżjoni u gwida għal-awtoritajiet Maltin biex jiġi żgurat li r-riformi fis-sigurtà jiġu implimentati b’mod effettiv. Dan l-appell sab l-appoġġ tal-parteċipanti kollha.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat