Allokazzjoni finanzjarja qawwija mill-UE għall-kultura, il-kreattivita’ u l-media – Il-VP Roberta Metsola

19.05.2021 11:55

Allokazzjoni finanzjarja qawwija mill-UE għall-kultura, il-kreattivita’ u l-media – Il-VP Roberta Metsola

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Firts Vice President of the European Parliament Roberta Metsola MEP

Il-Viċi President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li bi Creative Europe, l-Unjoni Ewropea se tkun qed tinvesti biljuni ta' ewro fl-oqsma tal-kultura, il-kreattività u l-media. Waqt diskussjoni fil-plenarja, il-kap tad-delegazzjoni Maltija fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew, qalet li "l-pandemija ħolqot piżijiet ġodda u riperkussjonijiet negattivi mmens fuq il-kultura u s-settur tal-kreattivita’."

Roberta Metsola spjegat kif "artisti, awturi, mużiċisti, atturi, min jagħti assistenza teknika u professjonali biex isiru l-produzzjonijiet u l-wirjiet, kantanti, żeffiena … dawk kollha li direttament jew indirettament huma involuti fl-arti viżiva, perfomattiva, ta’ spettaklu u tant oħrajn, kollha b’xi mod jew ieħor ġew milquta ħażin. Il-passjoni u l-għixien tagħhom spiċċaw fix-xejn u magħhom bagħtew il-familji tagħhom." Dr Metsola saħqet li mingħajr attivita’ artistika u kulturali jkollna soċjeta’ ifqar."

Roberta Metsola qalet li l-istorja tal-Ewropa hi minsuġa mal-iżviluppi artistiċi u kulturali. "Kbirna bħala poplu, bħala komunita’ magħġuna fi storja kulturali rikka fejn l-Ewropa hi fi klassi għaliha."

L-ewwel Viċi President tal-Parlament Ewropew qalet li kif ma nistgħux innaqqsu l-kontribut kulturali fl-istorja tagħna, hekk ukoll ma nistgħux innaqqsu mill-importanza li għandha l-media fil-ħarsien u t-tisħiħ tad-demokrazija.

"Il-kultura għandha valur. L-arti tagħtina identita’. Il-media għandha sehem fil-ħajja demokratika."

Roberta Metsola qalet li dawn m’għandhomx ikunu footnote fl-azzjonijiet li jittieħdu fl-irkupru mill-COVID. "Dawn Il-professjonisti għandu jkollhom, bi dritt, il-kapitlu tagħhom."

Saħqet li għalhekk, Creative Europe "hi aħbar eċċellenti għas-setturi kulturali u kreattivi fl-Ewropa. Issa nistgħu nipprovdu fondi sostanzjali – biljuni – għal dawn is-setturi: il-kultura, il-kreattivita’ u l-media."

Fil-plenarja, Roberta Metsola qalet li ħafna pajjiżi, inkluż Malta, din il-ġimgħa se jkollhom ħarsithom fuq il-Eurovision, li ddeskrivietu bħala "espressjoni ta’ settur wieħed ta’ talent li jinvolvi tant nies kreattivi."

"Irridu nagħtu appoġġ lil kull min qed jaffaċċja sfidi kbar minħabba l-pandemija. L-artisti jirrappreżentaw ukoll ir-ruħ u l-ispirtu Ewropew. Għandna nagħtuhom kull għajnuna," temmet tgħid il-Viċi President Metsola.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'178 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat