Għażel pajjiż
Agħżel il-pajjiż tiegħek biex issegwi l-aħbarijiet mill-MPE lokali tiegħek:
Il-pajjiżi ta' hawn taħt ma jippubblikawx kontenut bil-lingwa tiegħek. Agħżel il-pajjiż jekk trid issegwi aħbarijiet bl-Ingliż jew bil-lingwa(i) nazzjonali tagħhom:
Il-Lingwa magħżula: Malti
X'qed tfittex?
24.03.2023 17:11
Fittxu lill-kriminali mhux dawk li jikxfuhom - MEPs
Il-ko-Presidenti tal-Grupp Parlamentari Ewropew għal-Midja, l-MEPs David Casa u Ramona Strugariu kkundannaw il-proċeduri kriminali kontra l-awtur Malti Mark Camilleri, talli ppubblika dokumenti li potenzjalment jesponu tixħim u korruzzjoni bejn deputata fil-Parlament Malti u l-allegat moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
“Huwa inaċċettabbli li awtur jiġi mressaq talli ppubblika evidenza li hija fl-interess pubbliku, b’mod ċar daqs il-kristall. Dan huwa iktar u iktar inaċċettabbli minħabba l-fatt li l-kawża fil-Qorti nfetħet mid-deputata bil-ħsieb li ssikket lill-awtur, meta d-dokumenti ppubblikati juru li Camilleri kien korrett fid-dikjarazzjonijiet tiegħu.”
L-MEPs Casa u Strugiariu nnutaw kif id-Deputata Rosianne Cutajar użat il-kariga pubblika tagħha sabiex timbotta l-interessi tal-allegat qattiel filwaqt li aċċettat ir-rigali u l-flus.
“L-awturi u l-ġurnalisti huma f’pożizzjoni mill-aktar vulnerabbli meta l-imġieba kriminali ma tiġix ikkastigata għaliha anke wara li nkixfet. M’huwiex aċċettabbli kif tant snin wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, s’issa għadu ħadd ma tressaq fuq korruzzjoni u ħasil tal-flus li hi kienet kixfet u li fil-fatt inqatlet sabiex titwaqqaf milli tkompli tikxef. L-apatija fir-rigward ta’ korruzzjoni fl-ogħla livelli meta mqabbla mal-azzjoni mgħaġġla kontra s-Sur Camilleri turi biċ-ċar li l-istituzzjonijiet Maltin qed ikomplu jkunu fundamentalment imminati.”
Id-dokumenti ppubblikati jindikaw li possibbilment kien hemm tixħim u korruzzjoni bejn Yorgen Fenech u l-MP. Inkredibbilment, minkejja li din l-informazzjoni ilha fil-pussess tal-pulizija u l-Avukat Ġenerali għal tliet snin sħaħ, s’issa għadhom ma tressqu l-ebda akkużi. Dan huwa ta’ inkwiet gravi.
“Nappellaw lill-awtoritajiet Maltin sabiex immedjatament jirtiraw il-proċeduri kontra s-Sur Camilleri u minflok jieħdu azzjoni kontra dawk kollha involuti fil-korruzzjoni u tixħim”, temmew l-MEPs.
Nota lill-edituri
Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'176 Membru mill-Istati Membri kollha.
MEP
David STELLINI
eks impjegat
6 / 50