Casa nnominat mill-PPE biex imexxi n-negozjati dwar iktar drittijiet tad-diżabilità

10.10.2023 14:04

Casa nnominat mill-PPE biex imexxi n-negozjati dwar iktar drittijiet tad-diżabilità

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

David Casa MEP
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Se jissaħħaħ il-moviment ħieles tan-nies b’diżabbiltà

Il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa ġie nnominat biex imexxi n-negozjati f’isem il-Grupp tal-PPE fuq direttiva ġdida li ser iżżid id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, meta jkunu qed jivvjaġġaw fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

“Il-moviment ħieles tan-nies jifforma l-bażi tal-Unjoni Ewropea,” spjega Casa. “Malta neħħiet l-aħħar restrizzjonijiet ta’ Schengen fl-2008. Minkejja dan, il-moviment ħieles fl-Ewropa għadu mhux qed jitgawda bis-sħiħ minn kulħadd.”

Id-Direttiva se tiżgura li l-karti tad-diżabbilta’ u tal-parkeġġ maħruġa fi Stat Membru wieħed ikunu rikonoxxuti madwar l-Unjoni Ewropea kollha, u b’hekk jitnaqqsu l-ostakli li ħafna għadhom jiffaċċjaw meta jivvjaġġaw.

Casa sostna li għad fadal wisq progress x’isir qabel persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jgawdu d-drittijiet ta’ persuni aktar mobbli.

“Din m’għandhiex titqies bħala trattament speċjali, imma għanda titqies bħala ugwaljanza bażika.”

Casa argumenta li s-safar m’għandux ixejjen l-għajnuna għall-aċċess li toffri karta nazzjonali ta’ diżabilità.

“Xi ħadd Malti li jsiefer barra minn Malta m’għandux ikollu għalfejn jipprova mill-ġdid id-diżabilità tiegħu biex jaċċessa ċerti arranġamenti. Dan huwa ovvju, però minkejja dan, għad fadal ostakli.”

Casa spjega li l-karta tad-diżabilità kienet diġà ppilotata f ’xi Stati Membri, fosthom f’ Malta, iżda din id-Direttiva kienet se jdaħħal dawn id-drittijiet f’liġi li tapplika fl-Unjoni Ewropea kollha u għalhekk se tħassar l-ostakli eżistenti li jxekklu l-moviment ħieles għal persuni b’diżabilità.

“Dan ifisser li din mhux se tibqa’ kwistjoni li l-gvernijiet jiddeċiedu ad hoc,” sostna Casa. “U għalhekk dan se jwassal għal sistema prevedibbli li torbot lill-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea.”

Casa ilu karriera membru permanenti u attiv fil-Kumitat tal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) u nnegozja fajls ewlenin, bħad-Direttiva dwar il-bilanċ tal-ħajja u tax-xogħol, il-Fond Soċjali Ewropew Plus u l-Fond Soċjali għall-Klima.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'177 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat