Casa magħżul għan-negozjar tal-liġi ewlenija Ewropea kontra l-korruzzjoni

18.09.2024 10:51

Casa magħżul għan-negozjar tal-liġi ewlenija Ewropea kontra l-korruzzjoni

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

David Casa MEP
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

L-Ewroparlamentari David Casa se jkollu rwol importanti fin-negozjar ta’ liġi prinċipali tal-UE biex tikkumbatti l-korruzzjoni madwar il-kontinent permezz ta’ direttiva li tistabbilixxi standards minimi biex tiġġieled firxa ta’ reati relatati mal-korruzzjoni bħala r-rapporteur tal-Partit Popolari Ewropew fuq dan il-fajl wara li nħatar membru tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni.

 

“F’Malta, in-nies ilha tistaqsi għal snin twal għaliex l-UE kienet miexja bil-mod fuq il-korruzzjoni,” Casa qal. “Permezz ta’ din id-Direttiva se nwieġbu għat-talba urġenti biex nieħdu miżuri biex innaddfu l-politika, anke permezz ta’ liġijiet fuq livell Ewropew.”

 

Casa se jirrappreżenta l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew biex jikseb ftehim li jintroduċi firxa ta’ obbligi ġodda kontra l-korruzzjoni, b’mod partikolari billi jorbot lill-istati membri biex jintroduċu sanzjonijiet kriminali għall-imġieba korrotta jekk dawn ma jkunux diġà jeżistu fil-liġijiet nazzjonali.

 

Il-kap tad-delegazzjoni Maltija fil-PPE fakkar fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, meta ‘l-Bord [tal-inkjesta] sema’ provi ta’ tentattivi minn uffiċjali pubbliċi kemm biex jiżvijjaw il-kors tal-ġustizzja kif ukoll biex jostakolawh.’

 

“U madankollu, it-tfixkil tal-ġustizzja għadu mhux reat f’Malta,” irrimarka Casa. “Dan huwa nuqqas ieħor mhux indirizzat li jkompli jsaħħaħ l-impunità għall-kriminali.

 

“B’din id-direttiva li tiġġieled il-korruzzjoni, qed inwasslu bidla effettiva fuq livell tal-UE li l-elettorat tagħna talab għaliha, biex torbot lill-gvern biex jagħlaq dawn il-lakuni kemm fil-liġi u kemm fil-fatt,” enfasizza Casa.

 

Il-liġi tirrifletti l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC) li għaliha l-UE hija firmatarja.

 

Huwa rringrazzja lil eks-MPEs tar-Renew u tal-PPE Ramona Strugariu u Nuno Melo għall-ħidma tagħhom meta stabbilixxew pożizzjoni soda għall-Parlament qabel in-negozjati tat-trilogu li ġejjin.

 

 

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat