Casa jisħaq għal Strateġija ta' Diżabbiltà tal-UE b'saħħitha, b’aktar attenzjoni għar-Rewmatoloġija

19.12.2024 10:34

Casa jisħaq għal Strateġija ta' Diżabbiltà tal-UE b'saħħitha, b’aktar attenzjoni għar-Rewmatoloġija

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

David Casa MEP

Fl-aħħar indirizz tiegħu tas-sena waqt il-plenarja tal-Parlament Ewropew, l-MEP u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN David Casa sejjaħ għal approċċ aktar inklussiv u ħolistiku biex jiġu indirizzati l-mard kroniku u d-diżabilità fl-Ewropa.

Casa ippropona sforz aktar ambizzjuż għall-Istrateġija tad-Diżabilità ġejjiena, ladarba li dik preżenti se tiskadi s-sena d-dieħla.

“L-Ewropa għamlet ħafna għall-persuni b’diżabilità, imma għandna mandat biex nagħmlu ħafna, ħafna aktar,” sostna l-MEP. “Il-Kummissjoni Ewropea għandha tisma mix-xjenza,
u tagħraf li l-RMDs huma l-ikbar kawża tad-diżabilità fl-Ewropa.”

“Hawn min jaħseb li mard bħall-artrite huwa xi ħaġa tal-anzjani, u allura inevitabbli,” wissa Casa. “Imma r-realtà hi li l-mard kroniku jaffettwa miljuni ta’ kull età; madankollu, il-politika Ewropea qed tonqos milli tipprovdi l-appoġġ meħtieġ.

“Mhux qed ninvestu biżżejjed biex nifhmu jew intaffu dawn il-kundizzjonijiet.”

Casa enfasizza l-fatt li l-Mard Rewmatiku u Muskoloskeletali (RMDs) huwa l-kawża ewlenija tad-diżabilità fl-Ewropa, u enfasizza mhux biss l-isfidi tas-saħħa iżda wkoll ostakoli sinifikanti għall-impjieg, partikolarment għan-nisa, u b’hekk ipoġġi piż kbir kemm fuq l-ekonomija kif ukoll fuq il-kwalità tal-ħajja ta’ bosta ħaddiema u familji.

“M’għandniex inħallu lil min ibati għalxejn,” iddikjara Casa, filwaqt li sostna l-bżonn tal-għodda meħtieġa biex tgħin lil dawk milquta minn RMDs u kundizzjonijiet kroniċi oħra biex jgħixu ħajjithom bis-sħiħ.

Casa, li għal żmien kien il-koordinatur tal-PPE għall-Kumitat tal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali li fih ilu membru għal bosta snin, kien wkoll in-negozjatur tal-PPE dwar id-Direttiva li tistabbilixxi Karta Ewropea tad-Diżabilità li sabet appoġġ immens fil-plenarja f’April li għadda.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat