Casa iqawwi l-impenn biex isaħħaħ id-drittijiet tad-diżabbiltà madwar l-UE

20.02.2024 9:28

Casa iqawwi l-impenn biex isaħħaħ id-drittijiet tad-diżabbiltà madwar l-UE

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

David Casa MEP

F’wegħda biex jippromwovi l-inklussività u l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità, l-MPE David Casa riċentement iltaqa’ mal-Federazzjoni Maltija ta’ Organizzazzjonijiet Persuni b’Diżabilità (MFOPD). Il-laqgħa, mmexxija mill-President tal-MFOPD Marthese Mugliette, kienet immirata biex trawwem djalogu fuq il-kwistjonijiet ċentrali li jiffaċċjaw il-persuni b’diżabilità f’Malta u madwar l-Unjoni Ewropea.

Casa ta rendikont ta’ dak li rriżulta min-negozjati konklużi fuq l-Karta tad-Diżabilità tal-UE u l-Karta tal-Parkeġġ tal-UE, iż-żewġ inizjattivi kruċjali maħluqa biex jiżguraw il-mobbilità aħjar għal persuni b’diżabilità. Il-passi li jmiss jinvolvu ħidma għal vot b’saħħtu fuq il-ftehim proviżorju fix-xhur li ġejjin u biex titwettaq implimentazzjoni effettiva fl-istati membri kollha.

Matul il-laqgħa fil-Parlament Malti, il-Membru Parlamentari Graziella Galea ngħaqdet mal-MPE David Casa, laqgħa li nvolviet diskussjoni miftuħa li sostniet il-bżonn urġenti biex jiġu indirizzati oqsma ewlenin, mit-tisħiħ tal-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità fuq il-post tax-xogħol, sat-tisħiħ biex jitjiebu l-proċessi għall-akkwisti ta’ mediċini.

L-MPE Casa esprima l-impenn tiegħu biex jittieħdu passi proattivi f’dal-oqsma, u sostna, “Dal li ħareġ mil-laqgħa tagħna llum juri kemm hemm bżonn li nżidu l-isforzi konġunti tagħna biex noħolqu soċjetà aktar inklussiva. Jekk niffokaw fuq l-aċċessibilità, l-integrazzjoni fuq il-post tax-xogħol, u t-tibdil fil-proċessi tal-akkwist tal-mediċini, nistgħu ntejbu b’mod sinifikanti l-kwalità tal-ħajja għall-persuni b’diżabilità. Jien se nibqa’ dedikat biex naħdem id f’id mal-MFOPD u msieħba oħra biex it-tibdiliet neċessarji nagħmluhom realtà fix-xhur li ġejjin.”

Marthese Mugliette, il-President tal-MFOPD, faħħret il-progress li sar fuq id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità fejn tidħol il-Karta tad-Diżabilità tal-UE. “Bħala federazzjoni, aħna kommessi li nindirizzaw firxa wiesgħa ta’ kundizzjonijiet u nħaddnu politika li tappoġġja dawk li jgħixu b’diżabilità. Napprezzaw l-isforzi tal-MPE Casa li jistabbilixxi Karta tad-Diżabilità tal-UE, partikolarment għax il-proġett pilota ilu snin li waqaf. Kellha bżonn li titkompla din ir-rappreżentazzjoni għall-persuni b’diżabilità jekk il-Maltin għandhom jibbenifikaw mill-valur ewlieni Ewropew tal-ugwaljanza permezz tal-aċċessibilità.”

Casa wiegħed li jkompli l-isforzi kollaborattivi mal-MFOPD u ma’ imsieħba oħra biex javvanza d-drittijiet u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilità. Irringrazzja lil Graziella Galea tax-xogħol kontinwu tagħha fil-qasam Malti, u żgura li l-PN se jkompli l-isforzi tiegħu permezz tax-xogħol konġunt bejn il-leġislaturi u l-istakeholders.

“Huwa biss permezz tal-impenn komuni li se negħlbu l-ostakli persistenti li għadhom jiffaċċjaw persuni b’diżabilità, biex noħolqu ambjent fejn kulħadd għandu l-opportunità jipparteċipa b’mod sħiħ fis-soċjetà,” ikkonkluda Casa.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'177 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat