B’Ewropa aktar b’saħħitha insaħħu l-ġlieda kontra l-kanċer - Francis Zammit Dimech

10.04.2019 12:14

B’Ewropa aktar b’saħħitha insaħħu l-ġlieda kontra l-kanċer - Francis Zammit Dimech

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Video picture
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

“Wasal iż-żmien biex issir reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-Iscreening tal-Kanċer, li kienet addottata fl-2003. Ix-xjenza għamlet progressi kbar fl-aħħar snin, u għandu jittieħed in konsiderazzjoni wkoll l-għarfien il-ġdid. Għandha wkoll tiġi kunsidrata l-introduzzjoni tal-iscreening tal-kanċer tal-prostata apparti dak tas-sider, tal-utru u tal-imsaren.” L-MEP Francis Zammit Dimech qal dan waqt li kien qed jindirizza l-Konferenza Prostate Cancer Europe organizzata miċ-Ċentru Internazzjonali għall-Istudji Parlamentari (ICPS).

Zammit Dimech, li hu membru tal-MEPs kontra l-Kanċer, ġie mistieden biex jindirizza politiċi, akkademiċi, xjentisti, konsulenti u professjonisti oħrajn f’dan il-qasam. Il-konferenza kienet organizzata biex tagħmel analiżi tal-politika attwali fuq il-kanċer tal-prostata fl-UE u l-Istati Membri, biex tiddiskuti kif tista’ ssaħħaħ il-prevenzjoni u d-dijanjosi kmieni u t-trattament, kif ukoll biex iżżid ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-mediċina.

Skont l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Uroloġija, il-kanċer tal-prostata hu fost l-aktar kanċer komuni fl-irġiel fl-Ewropa, b’417,00 każ ġdid u 92,000 mewt kull sena. Skont statistika riċenti, is-sena li għaddiet, Malta esperjenzat 293 każ ġdid ta’ kanċer tal-prostata u 43 mwiet.

Zammit Dimech qal li l-mewt minħabba l-kanċer tal-prostata hu marbut ukoll man-nuqqas ta’ għarfien, u li dan jista’ jinbidel biss b’kampanji edukattivi. Hu tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ ħajja b’saħħitha, u kif din għandha tkun l-istil ta’ ħajja Ewropea. Hu żied jgħid, “Filwaqt li l-investiment fir-riċerka hu kruċjali u aħna qed ninsistu fuqu fuq livell Ewropea, irridu wkoll nassiguraw li jsir skambju ta’ informazzjoni bejn ir-reġistri tal-kanċer fl-UE. Permezz ta’ Ewropa b’saħħitha, nistgħu nirbħu kontra din il-marda.”

Zammit Dimech fakkar kif il-Grupp tal-PPE u Manfred Weber, il-kandidat tal-PPE għal President tal-Kummissjoni Ewropea, huma kommessi li jagħmlu l-ġlieda kontra l-kanċer bħala prijorità fil-leġislatura li jmiss. Hu tenna d-determinazzjoni tiegħu li jkompli jaħdem fuq temi marbutin mas-saħħa fil-leġislatura li jmiss tal-Parlament Ewropew.

Zammit Dimech iffirma l-impenn tal-UE dwar il-kanċer tal-prostata, li jinsisti għal screening tal-kanċer tal-prostata, żieda fir-riċerka tal-kanċer tal-prostata u kampanji ta’ għarfien fuq l-istess kanċer. Aktar kmieni din is-sena, l-MEP Zammit Dimech nieda 30 proposta fil-ġlieda kontra l-kanċer. Waħda mill-proposti hi li l-Gvern għandu jikkunsidra jintroduċi screening għall-kanċer tal-prostata.

Il-Professur Hendrik Van Poppel mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Uroloġija (EUA) irringrazzja lill-MEP Zammit Dimech għall-appoġġ tiegħu f’din il-kawża, u talli bħala MEP qed jaħdem fil-ġlieda kontra l-kanċer. Għall-konferenza attendiet ukoll Helen Attard Bason, Uro-Oncological Practice Nurse Navigator miċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo f’Malta.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'217 Membru minn 28 Stat Membru.

Kontenut relatat