L-MEP Peter Agius u s-Sindku Noel Formosa jqiegħdu l-konnettività Għawdxija fuq l-aġenda fi Brussell; jitolbu l-awtonomija għal Għawdex biex jibbenefika minn fondi tal-UE

03.04.2025 12:01

L-MEP Peter Agius u s-Sindku Noel Formosa jqiegħdu l-konnettività Għawdxija fuq l-aġenda fi Brussell; jitolbu l-awtonomija għal Għawdex biex jibbenefika minn fondi tal-UE

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Video picture
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Is-Sindku ta’ San Lawrenz, Għawdex Noel Formosa (Grupp tal-PPE fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni) u l-MEP Peter Agius (Grupp tal-PPE fil-Parlament Ewropew), talbu lill-Kummissjoni Ewropea biex taħtar Task Force Ewropea għall-Konnettività tal-Gżejjer. Din it-Task Force għandha jkolla l-għan li tissorvelja u tikkoordina strateġiji politiċi biex gżejjer reġjuni jkunu iktar aċċessibbli. Din il-proposta timxi paripassu mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropeja u l-mandat li nngħata il-Viċi President Raffaele Fitto, fejn intalab mill-President von der Leyen biex jagħti prijorità u jfittex soluzzjonijiet għall-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw il-gżejjer—b’mod partikolari f’termini ta’ konnettività. Formosa u Agius tkellmu dwar dan waqt dibattitu speċjali dwar it-titjib tal-konnettività tal-gżejjer Ewropej, li sar waqt sessjoni plenarja tal-Kumitat tar-Reġjuni fil-Parlament Ewropew fi Brussell. 

Peter Agius ħeġġeġ biex l-ebda regolament tal-UE li jaffettwa l-gżejjer m’għandu jiġi adottat mingħajr ma jinkludi l-perspettiva speċifika għall-gżejjer fil-leġiżlazzjoni—b’mod partikolari fir-rigward tal-European Green Deal. Huwa ddikjara: “Il-gżejjer diġà huma żvantaġġati min-natura tagħhom. Hemm riskju li r-regoli tal-Green Deal iżidu dan l-iżvantaġġ minħabba l-miri marbuta mat-tnaqqis fl-emissjonijiet mit-trasport. Ironikament, ir-regoli l-ġodda tal-ETS dwar it-trasport marittimu kienu jeħtieġu aktar minn 30 deroga, peress li ħafna mill-vapuri tagħna ma jikkonformawx mal-istandards il-ġodda. Jekk irridu nintroduċu standards ġodda għall-gżejjer, irridu wkoll nipprovdu baġits tal-UE biex jgħinhom javvanzaw.” 

Huwa tkellem ukoll dwar l-importanza tat-tisħiħ tal-governanza reġjonali: “Xi reġjuni għandhom l-awtonomija u s-setgħa li jippreżentaw pjani reġjonali għal fondi tal-UE. Iżda reġjuni bħal Għawdex għadhom jiddependu fuq awtoritajiet nazzjonali ċentralizzati li jistgħu jinjoraw il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom fil-programmi nazzjonali. Għawdex, pereżempju, għadu jiddependi fuq vapur ta’ 40 sena (wieħed minn erba’) għall-konnettività. Malta m’applikatx għal fondi tal-UE biex tinvesti f’vapuri ġodda taħt il-Fond ta’ Rkupru jew il-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF). Għandna bżonn aktar awtonomija għal Għawdex u gżejjer oħra—u għandna nibdew mill-poter li nressqu proġetti reġjonali direttament għal fondi tal-UE biex insaħħu l-konnettività.” 

Aktar qabel, Peter Agius ippubblika rapport li jispjega l-fondi tal-UE disponibbli għal vapuri ġodda għal Għawdex. Huwa organizza wkoll konferenza nazzjonali ma’ esperti biex juru kif gżejjer oħra tal-UE qed jużaw fondi Ewropej biex itejbu l-konnettività tagħhom permezz tat-teknoloġija nadifa. 

Noel Formosa enfasizza l-iżvantaġġi strutturali li jiffaċċjaw il-gżejjer, minkejja li ħafna drabi jiġu ppreżentati bħala destinazzjonijiet pittoreski u mill-isbaħ: “Għawdex għadu nieqes minn integrazzjoni sħiħa fin-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T), u servizzi essenzjali bħal dawk tas-saħħa u l-edukazzjoni għadhom inqas aċċessibbli meta mqabbla ma’ reġjuni oħra fuq il-gżira ewlenija Malta.” 

Huwa saħaq fuq il-ħtieġa ta’ soluzzjonijiet ta’ konnettività sostenibbli, bħal vapuri elettriċi: “Il-vapuri elettriċi mhumiex biss kruċjali għat-titjib tat-trasport—huma wkoll essenzjali għall-protezzjoni tal-ambjent. It-tnaqqis fl-emissjonijiet marittimi jgħin biex ntejjbu l-arja fi mnifsejna, speċjalment għar-residenti madwar il-portijiet, u jtejjeb is-saħħa pubblika u l-kwalità tal-ħajja ġenerali. Il-konnettività mhix biss dwar il-moviment—hija dwar opportunitajiet ugwali, tkabbir ekonomiku, u futur sostenibbli għall-Ewropej kollha.” 

Francisca Ramis Pons mill-Gvern tal-Gżejjer Baleariċi żiedet: “L-Ewropa ma tistax taffordja li jkollha ċittadini ta’ klassi differenti skont il-ġeografija tagħhom. Kulħadd jistħoqqlu l-istess opportunitajiet. Nappellaw lill-istituzzjonijiet biex jadottaw miżuri ambizzjużi biex isaħħu l-konnettività tal-gżejjer tagħna u jiżguraw li l-politiki tal-UE jirriflettu r-realtà tagħna.” 

Efstratios Charchalakis, Sindku ta’ Kythera, irrimarka wkoll dwar dawn l-isfidi, u qal: “Li niksbu konnessjonijiet sostenibbli mal-art prinċipali u bejn il-gżejjer huwa essenzjali. Jiena nappoġġja d-dikjarazzjonijiet tal-kollegi tiegħi—id-disinn tal-politika tal-UE għandu jinkorpora d-dimensjoni tal-gżejjer, inkella se jkompli jkollu impatt negattiv fuq il-komunitajiet tagħna.” 

Nikola Dobroslavić, President tar-Reġjun ta’ Dubrovnik, innota li għalkemm il-gżejjer Kroati għandhom baġits u leġiżlazzjoni ddedikata, għad hemm sfidi sinifikanti: “Kien hemm każ traġiku fejn persuna mietet għax ma setgħetx tasal l-isptar fuq l-art prinċipali minħabba maltemp. Jeħtieġ li nagħmlu aktar biex nindirizzaw id-diffikultajiet ta’ konnettività li jistgħu jheddu l-ħajja tal-persuni li jgħixu fuq il-gżejjer tagħna.” 

Fl-aħħar, Kata Tüttő, President tal-Kumitat tar-Reġjuni, rrikonoxxiet l-importanza tad-diskussjoni u impenjat ruħha għal aktar azzjoni: “Dan huwa suġġett kruċjali. Se nistieden lill-Kummissarju għat-Turiżmu Sostenibbli u t-Trasport, Apostolos Tzitzikostas, biex isegwi din id-diskussjoni f’sessjoni plenarja li jmiss tal-KtR.”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat