RGP_et.pdf

L-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja sfidi kbar: qgħad, immigrazzjoni u kompetizzjoni globali iebsa, flimkien man-nuqqas ta’ fiduċja fil-politiċi Ewropej li kapaċi jwettqu s-soluzzjonijiet. Il-Grupp tal-PPE irid li l-UE jkollha l-għodda għal aġenda ta’ riformi għall-futur Ewropew li jassigura li l-UE tilqa’ l-isfidi li ġejjin. It-tkabbir u ż-żieda fl-impjiegi għandha tkun appoġġata bi sforzi biex terġa’ takkwista l-fiduċja taċ-ċittadini. L-Ewropa hi kontinent ta’ valuri u dinjità umana. Irridu niddefendu l-mudell soċjali quddiem il-kompetizzjoni globali, filwaqt li ngħelbu l-isfida demografika.

L-ekonomija, l-impjiegi u l-ambjent

Aħna nkomplu ninsistu fuq ekonomija tas-suq soċjali bħala l-aħjar metodu biex jinħolqu l-impjiegi filwaqt li nissalvagwardjaw il-livelli għolja soċjali u ambjentali. Irridu nsaħħu s-Suq Uniku Diġitali, niżviluppaw metodi ġodda ta’ kif innaqqsu l-emissjonijiet u nassiguraw enerġija affordabbli.

L-Intern u l-Affarijiet Legali

Irridu nsaħħu s-sigurtà billi nikkontrollaw b’mod aħjar il-fruntieri, filwaqt li nipprovdu l-ażil lil dawk fil-bżonn, u nkunu lesti biex niġġieldu ċ-ċiberkriminalità. Id-dritt tagħna ta’ moviment liberu għandu jkun protett u rridu nkomplu ndaħħlu miżuri biex niprevenu t-terroriżmu.

Il-Baġit, l-Agrikoltura u l-Fondi Reġjonali

Il-Baġit tal-UE m’għandux jistrieħ biss fuq kontribuzzjonijiet nazzjonali l-Ewropa għandha tkun kapaċi ssib il-fondi għall-prijoritajiet fit-tul, b’riżorsi addizzjonali. Il-politika agrikola tagħna għandha bżonn finanzjament adegwat u metodi ġodda ta’ kif tkun effiċjenti u sostenibbli.

Affarijiet barranin

Irridu nsaħħu l-abbilità tagħna li nitkellmu b’vuċi waħda fuq livell globali biex naslu għall-għanijiet tagħna: il-paċi u s-sigurtà, kummerċ ħieles u multilaterali u neqirdu l-faqar. Irridu nkomplu nippromowvu d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fir-relazzjonijiet tagħna ma’ pajjiżi terzi.

Position Papers

Flags of Ukraine and the European Union
pubblikazzjonijiet 05.04.2022

Linji gwida politiċi tal-Grupp PPE dwar ir-risposta immedjata għall-invażjoni u għall-aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna

Fl-24 ta' Frar 2022, bil-gwerra u bl-aggressjoni, mhux provokata u mhux ġustifikata, tar-Russja – li tikkostitwixxi delitt internazzjonali kontra l-Ukrajna – ir-realtà ġeopolitika Ewropea nbidlet drammatikament. L-Ukrajna sal-lum uriet livell bla preċedent ta' reżistenza u reżiljenza u impediet lir-Russja milli tilħaq l-objettivi inizjali tagħha tal-gwerra. L-Unjoni Ewropea rreaġixxiet malajr u b'mod deċiżiv, billi introduċiet sanzjonijiet bla preċedent li laqtu lir-Russja u lill-Belarussja, li hija kompliċi magħha. Kull analiżi li saret turi li din il-gwerra se ddum fit-tul. Għaldaqstant, hemm bżonn li jkompli jiżdied l-impatt, li l-komunità internazzjonali diġà ħalliet fuq ir-reġim Russu, bil-għan li tgħin biex din il-gwerra tintemm mill-aktar fis possibbli. Linji ta' azzjoni ewlenin:   Forniment ta' armi min-naħa tal-UE u tal-Istati Membri u għajnuna lill-Ukrajna biex tiddefendi ruħha. Jeħtieġ li l-UE tuża l-Faċilità Ewropea għall-Paċi u l-mezzi possibbli l-oħra kollha biex tgħin fil-forniment tal-armi; Iridu jiġu offruti kurituri umanitarji sikuri lill-popolazzjoni ċivili li qed jaħarbu mill-attakki u biex jissaħħu n-networks ta' għajnuna umanitarja tal-UE fl-Ukrajna (fjuwil, ikel, mediċini, ġeneraturi tal-enerġija u kampijiet mobbli). Fl-istess waqt, iridu jinfetħu kurituri tal-art "ħodor" biex tiddaħħal fl-Ukrajna kwalunkwe ħaġa meħtieġa biex tiżdied il-produzzjoni agrikola (eż. pestiċidi u fertilizzanti) u biex jinħarġu mill-Ukrajna l-prodotti agrikoli kollha li għadhom jistgħu jiġu esportati. Il-mument għal aktar sanzjonijiet wasal:   jintalab li jiġi applikat embargo totali u immedjat fuq l-importazzjonijiet mir-Russja ta' żejt, faħam, fjuwil nukleari u gass; jintalab li jiġu abbandunati għalkollox in-Nord Stream 1 u 2; u jiġi ppreżentat pjan biex tkompli tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE fuq perjodu qasir; jeħtieġ li jiġu esklużi mis-sistema SWIFT, il-banek Russi involuti fil-kummerċ ta' żejt u faħam; jeħtieġ li l-Istati Membri jiċħdu l-aċċess għall-portijiet kollha tal-UE lill-bastimenti li l-aħħar waqfa f'port jew dik li jmiss tkun fir-Russja. L-infrastrutturi tagħna ma jistgħux jintużaw biex jagħlfu magna tal-gwerra; l-Istati Membri għandom ikeċċu lill-ambaxxaturi Russi minn pajjiżhom bil-għan li jnaqqsu l-preżenza diplomatika Russa kemm jista' jkun sal-minimu; jeħtieġ li s-sanzjonijiet fil-konfront tal-Belarussja jirriflettu dawk introdotti fil-konfront tar-Russja, biex tingħalaq kull lakuna li permezz tagħha, Putin ikun jista' juża l-għajnuna ta' Lukashenko, ħalli jaħrab mis-sanzjonijiet (pereżempju, fuq il-banek u fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti taż-żejt); l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet sekondarji fuq dawk l-entitajiet kollha li se jgħinu lir-reġim Russu u lir-reġim Belarussu biex jaħarbu mis-sanzjonijiet; il-pożizzjonijiet li ħadu ċerti pajjiżi biex jappoġġaw jew jastjenu milli jikkundannaw ir-reġim ta' Putin u l-aggressjoni jridu jwasslu għal konsegwenzi; is-sanzjonijiet għandhom jitneħħew biss meta l-aħħar suldat tal-forzi okkupanti jkun telaq mit-territorju Ukren fuq il-bażi ta' ftehim konkluż mal-Gvern kostituzzjonali tal-Ukrajna. L-istatus ta' pajjiż kandidat tal-Ukrajna: b'segwitu għall-applikazzjoni uffiċjali tal-Ukrajna għall-adeżjoni mal-UE, ippreżentata fit-28 ta' Frar 2022, u b'segwitu għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Marzu, skont liema l-Ukrajna hija parti mill-familja Ewropea tagħna, l-istituzzjonijiet Ewropej jeħtieġ li jaħdmu biex iżommu l-wegħda li jagħtu lill-Ukrajna l-istatus ta' pajjiż kandidat mingħajr dewmien. Dan għaliex għandu jiġi evitat li l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-Ukrajna u taċ-ċittadini tagħha jisfaw vittmi tar-rikjesti ostili mir-Russja, li bħalissa qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jaħdmu favur l-integrazzjoni aċċelerata ta l-Ukrajna fis-Suq Uniku tal-UE, skont il-formula "kollox ħlief istituzzjonijiet" u fuq il-linji tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; Fond għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna wara l-gwerra fuq il-mudell tal-Pjan Marshall. Dan il-messaġġ se jnissel tama fost l-Ukreni. Il-fond jeħtieġ li jkun ġeneruż u ffinanzjat mill-UE, mill-Istati Membri, mill-kontribuzzjonijiet tad-donaturi u mir-riżarċiment għad-danni tal-gwerra min-naħa tar-Russja, inklużi dawk l-assi Russi kkonfiskati/ssekwestrati b'riżultat ta' sanzjonijiet f'konformità mad-dritt internazzjonali; Putin u Lukashenko jiġu ddefiniti bħala "kriminali tal-gwerra". Nagħmlu appell biex il-proċedimenti ġuridiċi fi ħdan id-dritt internazzjonali jinvestigaw u jieħdu azzjoni legali kontra kwalunkwe att, li jikkwalifika, mil-lat ġuridiku, bħala delitt tal-gwerra; Ir-Russja post-Putin – jeħtiġilna naħdmu mal-poplu Russu. Jeħtiġilna nuru li l-UE lesta tgħin lir-Russja demokratika ta' għada. Illum il-ġurnata l-oppożizzjoni Russa għandha quddiemha diffikultajiet biex tkompli topera – mhux biss minħabba r-repressjonijiet ta' Putin, iżda wkoll minħabba l-effetti tas-sanzjonijiet tal-Punent. Jeħtieġ li nibagħtu sinjal ċar, li aħna lesti nerġgħu nistiednu lil Russja demokratika u responsabbli fil-komunità tan-nazzjonijiet.   ...

pubblikazzjonijiet 09.03.2021

Il-Futur tad-Demokrazija Kristjana

Aħna qed ngħixu fi żminijiet ta' kriżijiet globali. Kriżi ekonomika fit-tul qed twassal biex ħafna jqajmu dubji dwar il-globa...

pubblikazzjonijiet 19.02.2019

Dokument ta' Pożizzjoni tal-Grupp tal-PPE dwar il-Kummerċ Internazzjonali

L-UE tinsab fuq quddiem nett tal-kummerċ dinji ħieles u ġust. Dan hu...

pubblikazzjonijiet 16.10.2018

Għalina s-sigurtà tan-nies tiġi l-ewwel

L-Ewropej jeħtieġ li jħossuhom sikuri Id-dinja tagħna hija dinja li qed tinbidel. L-alleati l-antiki qed jit...