Casa jilqa' t-twaqqif ta' Intergrupp Kontra l-Korruzzjoni

18.12.2024 10:22

Casa jilqa' t-twaqqif ta' Intergrupp Kontra l-Korruzzjoni

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

David Casa MEP

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN David Casa laqa’ l-konklużjoni tal-proċess biex jiġu stabbiliti intergruppi għal-leġiżlatura l-ġdida, li se jinkludi Intergrupp iffukat fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Is-Sur Casa kien wieħed mill-proponenti tal-Intergrupp fi ħdan il-PPE.

L-intergruppi kollha jeħtieġu l-appoġġ ta’ mill-inqas 3 gruppi politiċi sabiex jiġu stabbiliti, biex jiffaċilitaw il-ħidma tal-MPE f’oqsma speċjalizzati.

“Il-qofol tal-korruzzjoni hija s-serq miċ-ċittadini li bir-raġun jistennew azzjoni qawwija tal-UE biex tintemm. Dan l-Intergrupp se jlaqqa’ flimkien Membri Parlamentari minn madwar l-ispettru politiku biex jippromwovi leġiżlazzjoni u miżuri oħra biex jiġi żgurat li l-għodda għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni jissaħħu permezz ta’ azzjoni fil-livell tal-UE,” stqarr l-MEP Casa.

Matul din il-leġislatura, l-Intergrupp Kontra l-Korruzzjoni se jiffoka fuq it-tisħiħ tal-EPPO u l-OLAF, l-applikazzjoni effettiva tal-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità tas-saltna tad-dritt, iż-żieda fit-trasparenza ta’ minn jieħu fondi tal-UE, u t-tisħiħ tal-libertà tal-midja, il-pluraliżmu, u s-sigurtà tal-ġurnalisti, fost għanijiet oħra.

L-MPE Casa diġà huwa n-negozjatur ewlieni tal-PPE dwar il-leġiżlazzjoni ewlenija tal-UE kontra l-korruzzjoni, id-Direttiva tal-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, li se tidħol f’negozjati interistituzzjonali kmieni s-sena d-dieħla.

“Dan l-Intergrupp se jgħin ukoll biex jiżgura appoġġ wiesa’ fi ħdan il-PE għal miżuri robusti kontra l-korruzzjoni kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-leġiżlazzjoni li qed tiġi nnegozjata bħalissa, kif ukoll biex timbotta għal aktar leġiżlazzjoni meta dan ikun meħtieġ,” temm jgħid is-Sur Casa.

 

 

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat