L-UE tista' tgħin biex jitfejjaq il-kanċer: Sa 20 sena oħra, ħadd m'għandu jmut bil-kanċer

24.04.2018

L-UE tista' tgħin biex jitfejjaq il-kanċer: Sa 20 sena oħra, ħadd m'għandu jmut bil-kanċer

Pubblikazzjoni picture

Il-kanċer huwa wieħed mill-isfidi ewlenin li ħafna Ewropej jħabbtu wiċċhom magħhom. Kważi wieħed minn kull tliet Ewropej ikollhom xi tip ta' kanċer tul ħajjithom u kull Ewropew jaf kemm il-kanċer iġib tbatija u x'impatt kbir ikollu. Kważi kulħadd għandu xi ħabib, ħabiba jew membru tal-familja li qed ibatu bil-kanċer jew saħansitra mietu minħabba din il-marda orribbli. Filwaqt li l-Istati Membri huma primarjament responsabbli għas-saħħa, l-UE tista' u għandha tagħti sehemha.

Il-Grupp tal-PPE jimpenja ruħu li jagħmel dak kollu li huwa fis-setgħa tiegħu biex jiżgura li, sa 20 sena oħra, ħadd fl-UE ma jmut bil-kanċer.

Il-Grupp tal-PPE jappoġġa l-miżuri konkreti li ġejjin:

1. Riċerka

A:  Irridu nirduppjaw l-ammont li l-Unjoni Ewropea qed tonfoq fuq ir-riċerka dwar il-kanċer sal-2024.

B:  Il-programm qafas ġdid tal-UE għar-riċerka għandu jinkludi missjoni: "Sa 20 sena oħra, ebda tifel jew tifla m'għandhom imutu bil-kanċer". Għalhekk, il-baġit għar-riċerka għal dan il-għan (il-kanċer u t-tfal) għandu jiġu mmultiplikat għaxar darbiet sal-2024.

C:  Ir-riċerka mwettqa minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, bħal dawk li jieħdu ħsieb lil min ibati bil-kanċer, għandhom jirċievu ħames darbiet aktar l-appoġġ li kienu jirċievu fil-passat.

D: Nappellaw għall-implimentazzjoni prudenti tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data biex jiġu evitati restrizzjonijiet mhux meħtieġa għar-riċerka dwar il-kanċer.

2. Politika farmaċewtika

A:  L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u l-assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-Valutazzjonijiet tat-Teknoloġiji tas-Saħħa (VTS) - li jħejju d-deċiżjoni tal-Istati Membri dwar jekk mediċina għandhiex tiġi rimborżata - għandhom jikkooperaw aħjar biex jiffukaw l-investiment fuq il-mediċini li għandhom benefiċċju veru għall-pazjenti. Għalhekk, nitolbu li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-VTS tiġi approvata mingħajr dewmien.

B:  Qafas aħjar għat-trattament tat-tfal bil-kanċer.

C:  Anqas burokrazija fil-provi kliniċi, speċjalment għall-SMEs u l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ.

3. Saħħa elettronika

Biex tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' terapiji aktar speċjalizzati u biex jiġi evitat vjaġġar bla bżonn għall-pazjenti, is-saħħa elettronika fl-Unjoni Ewropea għandha tkun appoġġjata aħjar. Għalhekk, nitolbu lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta b'urġenza pjan direzzjonali - inklużi proposti leġiżlattivi - biex jiġi ggarantit l-iżvilupp ta' standards komuni biex jittejbu l-interoperabilità tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u l-infrastruttura meħtieġa għas-saħħa elettronika.

4. Kura tas-saħħa transkonfinali

L-implimentazzjoni ta' direttiva dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali biex il-pazjenti jkunu jistgħu jmorru għand l-ispeċjalisti xierqa għat-trattament tagħhom, mingħajr xkiel żejjed.

5. Prevenzjoni

L-implimentazzjoni stretta u rapida tad-direttiva dwar it-tabakk; kampanji ta' sensibilizzazzjoni li jippromwovu stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa; miżuri dwar il-kwalità tal-arja li jindirizzaw il-kawżi ta' kwalità ħażina tal-arja; u l-adozzjoni rapida tal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-esponiment għal karċinoġeni u mutaġeni fuq il-post tax-xogħol.

6. Skrinjar u identifikazzjoni bikrija

Il-Ministri tas-Saħħa għandhom jeżaminaw mill-ġdid ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-2003 dwar l-iskrinjar għall-kanċer.

7. Reġistru tal-kanser

Il-Kummissjoni għandha tgħin biex, mill-aktar fis possibbli, jinbena qafas għall-interoperabilità tar-reġistri Ewropej tal-kanċer.

8. Perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi

Kwistjonijiet speċifiċi għandhom jiġu indirizzati mill-perspettiva tal-irġiel u tan-nisa.

9. L-indukrar tas-superstiti tal-kanċer

Il-persuni li għelbu l-kanċer u li m'għandhom ebda riskju sinifikanti u li r-riskju mediku tagħhom ma jkunx ogħla minn dak tal-popolazzjoni medja, għandhom jiġu protetti mid-diskriminazzjoni.

10. Mard terminali fuq il-post tax-xogħol

Il-persuni li jkollhom marda terminali għandhom jitħallew ikomplu jaħdmu jekk ikunu jridu.

11. Bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

Is-sitwazzjoni tal-ġenituri u tal-indukraturi tal-pazjenti bil-kanċer għandha tiġi indirizzata fid-direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

12. Kura palljattiva

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prassi fil-kura palljattiva u tappoġġa r-riċerka dwar il-kura palljattiva.

Ir-riċerka dwar il-kanċer tista' tirnexxi aktar u t-trattament tal-kanċer jista' jkun aktar effikaċi jekk l-aqwa mħuħ fl-Ewropa jaħdmu flimkien u l-pazjenti jkollhom il-possibbiltà li jibbenefikaw mill-progress irrispettivament minn fejn jgħixu. Dan jgħodd għall-kanċer inġenerali, iżda jgħodd ukoll b'mod partikolari għall-kanċer fit-tfal jew għad-dijanjożi ta' kanċer rari. Mediċina aktar personalizzata tfisser li huwa kruċjali li l-Ewropej jaħdmu flimkien.

Kontenut relatat

Dedicated male worker packs and separates cans and bottles for recycling
news
Aqra aktar
Laboratory technician looking through microscope while examining genomic sample during research in laboratory
news
Aqra aktar
Portrait of Male pharmacist working in pharmacy
news
Aqra aktar
Woman shopping at the supermarket
news
Aqra aktar

Stop Greenwashing

11.03.2024